Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet għall-aħħar laqgħa għal din is-sena tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell, fejn ġew diskussi diversi temi ta’ importanza relatati ma’ dawn is-setturi.
Is-Segretarju Parlamentari rrikonoxxiet it-tmexxija u l-viżjoni strateġika tal-Presidenza Ungeriża matul l-aħħar xhur kif ukoll il-proċess li tħaddem dwar negozjati tal-opportunitajiet tas-sajd sabiex ikun assigurat proċess aktar trasparenti.
Hija spjegat kif Malta segwiet mill-qrib in-negozjati u d-diskussjonijiet li saru bejn l-Istati Membri tal-UE fl-aħħar ġimgħat, kif ukoll il-kontribut essenzjali fil-laqgħat annwali tal-GFCM u tal-ICCAT. Fid-diskors tagħha waqt il-Kunsill, hi semmiet l-irwol tal-Kummissjoni Ewropea fit-tmexxija li ħadet f’dawn il-fora internazzjonali, fejn il-kisba ta’ soluzzjonijiet ġusti u vijabbli għall-istokkijiet tal-ħut kienet prijorità ċara.
Hi saħqet li, fl-isfond tal-kompetizzjoni globali li qed tiżdied, huwa ċar li l-Unjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni magħquda u b’saħħitha fil-qafas tal-Regional Fisheries Management Organisations (RFMOs). Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, trid tkompli tiddefendi b’mod konkret l-interessi kollettivi tal-Istati Membri kontra l-aġir ta’ pajjiżi terzi li ma jirrispettawx il-liġijiet internazzjonali. “L-integrità tal-flotot tagħna u l-ħarsien tal-istokkijiet tal-ħut għandhom ikunu prijoritajiet mhux negozjabbli,” saħqet is-Segrtetarju Parlamentari.
Żiedet tgħid li f’dan il-kuntest, id-diskussjonijiet tekniċi riċenti rrappreżentaw pass importanti ’l quddiem, li wassal għal riżultati b’saħħithom u konsistenti mal-għanijiet strateġiċi ta’ Malta. Għaldaqstant, Malta kkonfermat l-appoġġ sħiħ tagħha għaż-żewġ proposti dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025, b’fiduċja li dawn jirriflettu bilanċ ġust bejn sostenibbiltà u żvilupp ekonomiku.
“Nistennew b’ottimiżmu parir xjentifiku futur li jippremja lis-sajjieda tagħna għall-isforzi u s-sagrifiċċji sinifikanti li għamlu matul is-snin, u li affettwawlhom direttament il-kundizzjoni ekonomika tagħhom. Nemmnu wkoll fil-ħtieġa ta’ approċċ bilanċjat li jissalvagwardja mhux biss l-istokkijiet tal-ħut iżda wkoll il-ħajja ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tas-sajjieda tagħna. Is-sajjieda żgħar u artiġjanali għandhom ukoll rwol kruċjali fit-tessut ekonomiku u kulturali tagħna, u dan ir-rwol għandu jkun rikonoxxut u protett,” tenniet is-Segretarju Parlamentari.
Hi kkonkludiet li Malta tibqa’ impenjata b’mod sħiħ li taħdem lejn kundizzjonijiet ekwi u sostenibbli fir-reġjun tal-Mediterran. “Il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) hija kruċjali biex jiġu evitati ħsarat mhux irreparabbli għall-isforzi kollettivi tagħna ta’ konservazzjoni. Għandna nkomplu nistinkaw għal politika Ewropea tal-baħar li tirrispetta l-bijodiversità u l-għajxien tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li tibgħat messaġġ ċar ta’ tmexxija globali fil-ġestjoni tal-ibħra.”
Fil-marġini tal-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said iltaqgħet mal-Kummissarju l-ġdid għas-Sajd u l-Oċeani, Costas Kadis, fejn awguratlu ħidma sfiqa fl-irwol il-ġdid tiegħu filwaqt li sostniet li tħares ’il quddiem għal kollaborazzjoni flimkien fiż-żmien li ġej.