Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell u li għaliha attendiet is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, intlaħaq qbil dwar kwota għal-lampuki matul is-sena d-dieħla. Dan sabiex tiġi assigurata s-sostenibbiltà ta’ dan l-istokk u jkunu żgurati opportunitajiet tajbin għas-sajjieda tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said talbet biex filwaqt li l-istess regolament jirrifletti l-bżonn li l-istokk tal-lampuka għandu jinżamm f’livelli bijoloġikament sostenibbli, għandna niminimizzaw l-impatti soċjoekonomiċi fuq is-sajjieda għas-snin li ġejjin. Is-segretarju parlamentari ddefendiet il-pożizzjoni ta’ Malta u ta’ diversi pajjiżi Mediterranji oħra rigward il-kwota tat-tonn, u saħqet li l-allokazzoni interna tal-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ magħluqa. “Malta temmen li filwaqt li l-istabbiltà relattiva ta’ dan l-istokk għandha tibqa’ miżmuma, is-sajjieda Maltin u Mediterranji għandhom ikomplu jiggwadanjaw mill-irkupru ta’ dan l-istokk, frott is-sagrifiċċji tagħhom għal bosta snin”, irrimarkat is-segretarju parlamentari. Fl-istess waqt hija saħqet dwar il-punt li sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u jiġi protett l-għajxien tas-sajjieda artiġġjanali, irridu nkomplu nassiguraw kundizzjonijiet ekwi ma’ pajjiżi terzi filwaqt li nkomplu nsaħħu l-ġlieda kontra s-sajd illegali u mhux regolat.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill, Alicia Bugeja Said appoġġat l-ambizzjoni ġenerali tal-proposta dwar New Genomic Techniques fl-agrikoltura u rrikonoxxiet l-opportunitajiet li din it-teknoloġija jista’ jkollha għas-settur sabiex ikun aktar reżiljenti u tkun assigurata s-sigurtà tal-ikel. Madankollu, hi qalet li l-proposta ħolqot kwistjoni speċifika għal pajjiż żgħir bħal Malta minħabba is-sitwazzjoni agrikola unika tiegħu. Hawn tenniet li l-Istati Membri kollha għandu jkollhom opportunità ugwali biex japplikaw id-deċizjoni li prodotti tal-Kategorija Wieħed (NGT 1) ikunu pprojbiti fis-settur organiku, skont l-ispeċifiċitajiet tagħhom. Is-segretarju parlamentari saħqet li l-konsumaturi Maltin u l-bdiewa organiċi Maltin m’għandhomx ikunu żvantaġġati meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra kontinentali. Għalhekk is-soluzzjoni li nstabet fil-Kunsill għal din ir-realtà kienet waħda li Malta setgħet tilqa’.
Dwar is-sitwazzjoni tas-swieq, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said irrikonoxxiet li s-swieq agrikoli tal-Unjoni għadhom qed jiffaċċjaw diversi sfidi, l-aktar minħabba l-fatt li l-inċertezza saret in-norma. Saret referenza għal uħud mill-isfidi ewlenin, fosthom l-avvenimenti klimatiċi u l-kundizzjonijiet ġeopolitiċi li qed jikkawżaw pressjoni fuq il-prezz tal-enerġija, l-għalf u l-fertilizzanti.
Għalhekk hu importanti li jkompli jiġi osservat is-suq ħalli tittieħed azzjoni fil-ħin opportun, b’miżuri trasparenti, ġusti u effettivi, f’waqthom. Malta saħqet li għandu jkun hemm aktar flessibbiltà fil-Pjan Strateġiku tal-PAK waqt li rreferiet għall-emendi tal-pjanijiet strateġiċi u l-importanza li titnaqqas l-kumplessità u d-dewmien tal-proċess.