Wara talba tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ntlaħaq qbil biex jiġi kkummissjonat studju sabiex issir riċerka dwar kif l-Intelliġenza Artifiċjali f’pajjiżna tista’ tiġi utilizzata aħjar minn negozji Maltin u fis-suq tax-xogħol Malti b’mod ġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul, fil-ftuħ ta’ din il-laqgħa, tkellem dwar kif permezz tad-diversi investimenti tal-Gvern f’dan is-settur, qed ikomplu jiġu żviluppati l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, sabiex b’dan il-mod anke tiżdied il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Dr Ellul spjega kif dan il-fattur qed jespandi f’kull settur tax-xogħol u li dan l-istudju hu parti minn sforz kontinwu sabiex jiġi evalwat kif l-AI mhux biss jimpatta s-suq tax-xogħol f’pajjiżna iżda anke l-pajjiż b’mod ġenerali.
Fakkar kif l-AI jista’ jkun ta’ pilastru importanti fil-viżjoni fit-tul tal-Gvern, fl-introduzzjoni ta’ remote working aktar mifrux u anke r-Right to Disconnect, li huma parti żgħira minn sett akbar ta’ miżuri intiżi li jsaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul faħħar id-diskussjoni produttiva li seħħet fl-MCESD u nnota l-attiviżmu tal-imsieħba soċjali u d-djalogu kostruttiv li tqajjem. Qal li l-Gvern f’dan kollu għandu rwol kruċjali, dak li jqajjem diskussjoni dwar suġġetti bħal dawn u li jaffettwaw direttament ħajjet in-nies u l-ħaddiema, u li wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx magħhom, iżda li huma importanti li jiġu diskussi.
Dr Ellul irrefera għall-importanza tal-MCESD fejn qal li d-djalogu fi ħdanu hu imperattiv li jibqa’ b’saħħtu sabiex b’mod konkret jibqa’ jsir aktar ġid fis-soċjetà tagħna.
L-imsieħba soċjali permezz tal-interventi tagħhom, irrikonoxxew il-fatt li l-Intelliġenza Artifiċjali ser tipprovdi kemm opportunitajiet imma wkoll sfidi għall-ekonomija u s-suq tax-xogħol Malti.
Kien hemm qbil unanimu li bħala pajjiż, irridu nkunu preparati għall-bidla li ser isir f’diversi setturi tax-xogħol, u li għaldaqstant, irridu nistudjaw it-tibdil li ser ikun qiegħed iseħħ. L-imsieħba saħqu wkoll li l-intelliġenza artifiċjali kapaċi ssaħħaħ il-produttività u l-effiċjenza, madanakollu huma qalu wkoll li ser iġġib magħha tħassib ġdid, speċjalment fejn jidħlu l-algorithms, u anke l-iskills gaps – b’dawn tal-aħħar jaffettwaw l-iżjed lil ħaddiema aktar kbar fl-età. L-imsieħba saħqu li fuq livell edukattiv l-istudenti għandhom ikomplu jkunu esposti għal għodda diġitali, filwaqt li jkunu mgħallma kif jaħsbu b’mod kritiku, sabiex b’hekk, Malta tibqa’ kompetittiva u reżiljenti waqt li l-bidla teknoloġika tkompli sseħħ.

