“Bdiet id-diskussjoni tal-abbozz dwar ir-right to be forgotten għal cancer survivors, fejn persuni li kellhom kanċer u għadda l-perjodu preskrittiv, issa mhux se jkollhom għalfejn jgħidu li huma kellhom kanċer. Dan kien qed joħloq ġlieda burokratika biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jiksbu loan jew inkella xi għajnuna oħra jew inkella fl-impjieg. Din hija xi ħaġa storika hekk kif qed naraw l-Oppożizzjoni flimkien mal-Gvern li qegħdin jaqblu f’dan ir-rigward u ninsab kburija immens li wasalna s’hawn. Din ma kinitx biss ħidma tiegħi għax hija waħda kollettiva”.
Iddikjarat dan id-Deputata Labuista Amanda Spiteri Grech, f’intervista ma’ dan is-sit. Spiteri Grech irrimarkat li hekk kif tkellmet mal-Oppożizzjoni mill-ewwel kien hemm rispons tajjeb. Qalet li minbarra hekk, tkellmet ukoll ma’ diversi persuni minħabba li kien hemm konsultazzjoni estensiva. Qalet ukoll li fuq kollox anke l-insurance association f’isem l-assigurazzjonijiet kollha ta’ pajjiżna laqgħu dan il-pass.
Fissret li dan kollu huwa ddedikat lill-familji Maltin u Għawdxin kollha għax kulħadd b’xi mod imiss ma’ persuna li forsi kellha kanċer. Id-Deputata Laburista qalet ukoll li, “meta int tmur tieħu self, mhux biss jekk inti kellekx però tiġi anke mistoqsi jekk fil-familja kellekx. Għalhekk qegħdin naraw illi mhux biss il-persuni li kellhom il-kanċer huma milquta imma wkoll uliedhom u ħuthom. Għalhekk, din triq tieqaf u hekk se jiġri”.
Tenniet tgħid li bi kburija qiegħda tgħid ukoll illi pajjiżna ħa jkun wieħed mill-pajjiżi avanguard illi jħaddnu din il-liġi. Saħqet li hemm lok illi ‘l quddiem tiġi rranġatha wkoll però dan huwa pass kbir. Qalet ukoll; “Ejja niftaku illi qabel, dawk il-persuni li kellhom kanċer kellhom timbru għal ħajjithom. Issa għandna l-perjodu preskrittiv għal għaxar snin. Din il-liġi ddedikata”.
Informazzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni kontra Konsegwenzi Negattivi għal Persuni li Fiequ minn Mard Onkoloġiku
L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni kontra Konsegwenzi Negattivi għal Persuni li Fiequ minn Mard Onkoloġiku (Dritt li Tintesa) għandu għan nobbli warajh. Dan billi se jagħmel differenza fil-ħajjiet ta’ mijiet u eluf ta’ persuni u l-approċċ tagħhom għan-neċessitajiet bażiċi fil-ħajja tagħhom.
L-Abbozz qed jipproponi li jitneħħa l-obbligu li persuna tirrapporta storja ta’ kanċer lill-istituzzjonijiet finanzjarji u assigurazzjoni wara perjodu stabbilit; il-perjodu allinjat mal-Ewropa; 10 snin għal adulti u ħames snin għal min kellu kanċer taħt l-età ta’ 21 sena.
Qed ikun suġġerit li jkun hemm Bord ta’ Reviżjoni kompost minn tliet membri li għandhom jiġu maħtura mill-Ministru inkarigat mis-Saħħa. Dan il-Bord irid jiddeċiedi meta spiċċa t-trattament u meta se jgħaddu dawn l-10 snin. Għandu funzjoni importanti.
Dan l-Abbozz qed jipproteġi lil dawk il-persuni li kellhom storja ta’ mard tal-kanċer u llum imfejqa. Dan filwaqt li se jkun qed ineħħi l-istigma minn fuq dawn il-persuni meta jkunu fuq il-post tax-xogħol, meta japplikaw għal xi promozzjoni fuq ix-xogħol jew meta japplikaw għal assigurazzjoni biex jieħdu loan mill-bank jew biex jagħmlu life insurance.

