Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet bis-saħħa tal-ġenituri tiegħi li minn ta’ etá żgħira introduċewni fil-futbol u dejjem tawni s-sapport tagħhom.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Kirkop United FC?
Qed inħares ‘il quddiem għal din l-esperjenza ġdida ma’ Kirkop United FC. Qegħdin skwadra ta’ etá żgħira imma bi grinta u determinazjoni li nilħqu l-għan ewlieni tagħna.
Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-futbol fosthom ma’ Qormi FC u Senglea Athletic FC.
Qormi huwa l-ewwel klabb li bdejt miegħu minn ta’ etá żgħira. Kelli esperjenzi sbieħ fejn għamilt id-debutt tiegħi fl-Ewwel Diviżjoni meta konna promossi għall- Malta Premier, kont inkun parti mill-iskwadra fil-Premier ta’ etá żgħira kif ukoll lgħabt numru ta’ logħbiet fiċ-Challenge League u National Amateur League. Kienet iebsa biex nitlaq minn mal-klabb li kbirt miegħu imma kien wasal iż-żmien biex nesplora esperjenza ġdida u naħseb għall-futur tiegħi.
Nixtieq nirringrazzja lil Senglea Athletic wkoll li sa mill-ewwel ġurnata li ngħaqadt magħhom laqagħuni b’idejhom miftuħa u talli tawni ċans li nilgħab numru ta’ logħob mal-klabb. Għalkemm ġejna relegati kienet esperjenza sabiħa ħafna.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell ta’ futbol Malti għamel titjib kbir fil-fehma tiegħi, speċjalment fl-Amateur Leagues, il-livell għola mmens. Hemm ferm iktar sfida.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fuq il-grawnds fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv ma tantx hemm x’tikkummenta ħafna. Trid issir bidla fit-turf kif ukoll bħala sigurtá ta’ pitches fejn f’ħafna mill- pitches tista’ tweġġa’ faċilment.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Il-ħsieb tiegħi għall-futur huwa wieħed li nkompli nagħmel dak li nħobb sa ma nkun niflaħ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ żgħir finali huwa li m’għandekx taqta’ qalbek tagħmel dak li tħobb, kemm jekk tkun ħaġa mentalment jew fiżikament. Ibqa’ ġġieled sal-aħħar!