Thursday, September 11, 2025

‘Qed inħares ‘il quddiem għal din l-esperjenza ġdida ma’ Melita FC’ – Andreas Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli xi sitt snin. Kont tifel sportiv, u darba kont qed nilgħab il-futbol l-iskola meta sħabi qaluli biex ningħaqqad ma’ tim tal- futbol.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Melita FC fiċ-Challenge League?

Qed inħares ‘il quddiem għal din l-esperjenza ġdida ma’ Melita FC.  Għadni żgħir, u għalhekk din hija opportunita`tajba ħafna għalija sabiex nitgħallem u nikber bħala plejer kif ukoll bħala persuna, billi nilgħab ma’ u kontra plejers b’iktar esperjenza minni.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Brian Said?

Naf li għandu ħafna esperjenza u nemmen li nista’ nitgħallem ħafna mingħandu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Palermo fi Sqallija?

Ma tantx kienet faċli li nitlaq lill-familja u lil pajjiżi u mmur ngħix waħdi ta’ 16-il sena. Imma kienet esperjenza li għenitni nikber ħafna bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Il-livell tal-futbol hemmhekk huwa ogħla, u ħadt ħafna gost nilgħab kontra timijiet li normalment narawhom biss fuq it-televixin.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena.

Li nilgħab għal pajjiżi huwa dejjem ta’ sodisfazzjon kbir. Is-sena li għaddiet lgħabt fil-kwalifikazzjonijiet Ewropej kontra timijiet ta pajjiżi kbar. Dawn l-esperjenzi jgħallmuni ħafna u jħegguni biex nibqa’ nistinka ‘l quddiem.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qed jgħola imma xorta baqalna ħafna x’naħdmu biex nilħqu l-livelli tal-pajjiżi barranin.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Dejjem jistgħu jkunu aħjar, imma il-logħob tal-kampjonat  dejjem jintlagħab fl-aqwa grawnds li għandna f’Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?

Jien qed nagħmel l-iktar li nista’ sabiex fil-futur inkun nista’ nilgħab fl-iktar livell għoli possibli f’Malta, kif ukoll nirrapreżenta lil pajjiżna mat-tim nazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Peress li għadni żgħir u l-karriera tiegħi fil-futbol għadha fil-bidu tagħha, kulma nista’ ngħid hi li trid tkun lest biex tagħmel ħafna sagrifiċċji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport