Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol minn dejjem kien wieħed mill-aktar affarijiet importanti jekk mhux l-aktar ħaġa importanti għalija. Minn mindu kelli għaxar snin kont niprova ma nfallix logħba tat-tim li kien qed jikkowċja missieri dak iż-żmien u b’hekk il-futbol, speċjalment dak lokali, kien xi ħaġa li sirt inħobb. Avolja, kont nilgħab ma’ xi nurseries, dejjem kienu jinteressawni d-dettalji żgħar tal-futbol u b’hekk ta’ 17-il sena kont bdejt il-kowċing għax ħassejt li dik kienet tabilħaqq it-triq it-tajba għalija.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala assistant coach u match analyst ta’ Gzira United FC, fejn se terġa’ taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Clive Mizzi, li jiġi wkoll il-papa tiegħek?
Qed inħares lejn din l-esperjenza b’motivazzjoni kbira għaliex din hija opportunitá oħra biex kemm bħala tim kif ukoll bħala individwi nuru l-kapaċitajiet tagħna kontra l-aqwa timijiet tal-futbol Malti. Li tkun tista’ taħdem ma’ missierek hija xi ħaġa sabiħa peró fid dinja tal-futbol jien inħares lejh bħala kowċ b’ħafna esperjenza li nista’ nitgħallem ħafna minnu.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala assistant coach ta’ Melita FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Melita FC kienet waħda importanti mmens hekk kif kellna sentejn li fihom esperjenzajna s-sabiħ u l-ikrah tal-futbol. Peró, minn din is-sitwazzjoni ikkomfermajna kemm hi importanti l-għaqda fid-dressing room u li jkollok lil kulħadd miexi id f’id. Avolja l-istaġun li għadda ntemm fuq nota negattiva, ninsab kuntent ħafna illi urejna l-kapaċitajiet tagħna kontra kulħadd u għamilna isem kemm għalina kif ukoll għall-klabb tal-Melita.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Jien naħseb illi l-futbol qabel kien ibbażat ħafna fuq il-kwalitá individwali fejn kont tara plejers juru l-kwalitajiet tagħhom aktar peró dan iż-żmien il-futbol sar ibbażat ħafna aktar fuq l-aspett tattiku.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi, il-futbol Malti miexi ħafna ‘il quddiem peró hemm inkonsistenza kbira hekk kif kull klabb ibati b’xi limitazzjoni.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Naħseb messaġġ li kien ta’ importanza għalija u li jista’ jkun importanti għal ħaddiehor ukoll huwa li trid tibqa’ temmen fil-filosofija tiegħek stess jiġri x’jiġri u trid iżżomm l-identitá tiegħek!