Minn Cristian Mucat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn ta’ etá żgħira, dejjem kelli passjoni kbira lejn il-logħba. Kwazi, kwazi, min jafni sew, jgħidlek aktar fissazzjoni. Bejn nilgħab u nikkowċja. Din l-imħabba lejn il-futbol ilha fija għal dawn l-aħħar 40 sena. Onestament, ma nistax ngħidlek eżattament meta bdiet, għax qatt ma niftakarni mhux iffissat fil-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Head Coach tat-Timijiet Kompetittivi tal-Youth Academy u Kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Mosta FC?
B’motivazzjoni u b’enerġija kbira. Jien nemmen ħafna fit-talent Malti, u din hija r-raġuni għaliex stennejt u ssaportejt aktar minn erba’ xhur sakemm evalwajt l-offerti li kelli quddiemi, qabel għamilt dan il-pass. Mosta FC huwa klabb li jħaddan l-istess filosofija. B’hekk, meta Mosta urew interess fija, u ddiskutejna l-pjan u l-istrateġija li jixtiequ jwettqu, ma kienx hemm dubju li din kienet l-aħjar għażla.
Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-kowċing fosthom dik ma’ Melita FC f’diversi kategoriji fosthom mat-tim tal-kbar.
Wara seba’ snin, b’kuntratt professjonali ma’ Melita FC, żgur li ma kinitx deċiżjoni faċli li nitlaq. Biss, kien wasal iż-żmien għall-bidla, kemm għalija personalment, kif ukoll għall- klabb. Kburi ħafna mhux biss b’dak li rnexxielna nwettqu tul dan iż-żmien flimkien, iżda wkoll bl-istruttura li ħallejt warajja. Tul dawn l-aħħar snin, kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija nara plejers (subien u bniet) jinbidlu minn tfal għal adulti responsabbli, maturi, u ta’ karattru, mhux biss fil-pitch, iżda wkoll barra minnu. Illum, inħares lejn l-iskwadra tal-Youths tal-Melita li hija mibnija fuq grupp ta’ plejers promettenti ħafna, li jien niftakar li kellhom biss bejn l-għaxra u t-13-il sena meta bdejt mal-Klabb, li għandhom ikunu l- pedament tal-iskwadra tal-kbar ta’ dan il-Klabb għal dawn l-għaxar snin li ġejjin, u aktar.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Mosta FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-Nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Il-fiduċja, is-sagrifiċċju, ix-xogħol iebes, l-istruttura u l-paċenzja. Dawk huma l-għodda li għandek bżonn biex tasal l-aktar ‘il bogħod possibli. Mhux fil-futbol biss, iżda f’kull aspett tal-ħajja. Bl-għaġla u bl-arroganza ma tasalx ‘il bogħod ħafna.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Dejjem ħassejt li din hija parti żgħira minn mistoqsija ħafna ikbar. Huwa fatt indiskutibbli li sa ċerti kategoriji żgħar, it-tfal Maltin jistgħu iħabbtuha ma’ kulħadd.
F’dawn l-aħħar għaxar snin kelli ħafna opportunitajiet fejn lgħabna kontra bosta akkademji, f’ħafna kategoriji differenti, f’ħafna pajjiżi barra minn xtutna, fosthom l-Italja u Sqallija, is-Serbja, Spanja u l-Ingilterra. U f’kull okkażjoni, it-tfal Maltin qatt ma qatgħu figura ħażina, u dejjem ikkompetew ma’ kulħadd.
Il-mistoqsija m’għandhiex tkun x’inhu l-livell tal-grassroots f’Malta, iżda għandha tkun, għaliex meta jinqabżu ċerti etajiet, il-qabża bejn it-tfal tagħna u dawk ta’ barra tikber b’tali mod li ma nibqgħux inlaħħqu.
F’kull pajjiż, il-grassroots huwa l-pedament fuqhiex jinbena bilmod il-mod il-kumplament tax-xogħol li jkun għadu jrid isir. Nistgħu nagħtu mitt raġuni u nagħmlu elf skuża. Iżda r-realtá hi li qabel ma noħolqu pjan u strateġija komuni fit-tul, li fl-opinjoni tiegħi għandha tkun diskussa fid-dettall, u tinvolvi lill-MFA, il-Klabbs u l-Akkademji Maltin, kif ukoll is-sistema edukattiva, ħa jgħaddu 20 sena oħra, u irrelevanti mil-livell tal-Grassroots tagħna, fejn konna ħa nibqgħu.
Sfortunatament, u dejjem fl-opinjoni personali tiegħi, kulħadd jaħdem separatament, u għal rasu qiegħed.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nerga’ nisħaq … jiena nemmen ħafna u għandi fiduċja kbira fit-talent Malti. U bidliet pożittivi saru u dejjem ikun hemm passi ‘l quddiem. Biss, illum qegħdin ngħixu fi żmien differenti. Kulħadd għandu opinjoni, it-teknolġija, il-media u s-social media jilagħbu l-parti tagħhom ukoll. Jiġifieri diffiċli ħafna li kulħadd ħa jaqbel fuq x’inhu tajjeb, u x’inhu ħażin. Li nista’ nisħaq minn lat personali huwa li llum, wara li tista’ tgħid li għandi esperjenzi f’kull livell tal-futbol Malti, m’għadnix nagħti kas dak li wieħed jgħid, iżda aktar noqgħod attent ħafna għal dak li wieħed jagħmel.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Il-kwalitá u l-kwantitá ta’ pitches fejn isir it-taħriġ u l-logħob żdied, speċjalment meta tikkompara mas-snin ta’ qabel. Biss ma nistgħux ninsew li aħna pajjiż li jħobb il-logħba tal-futbol. Dik hija r-realtá tagħna, u rridu naċċettawha. Investiment kbir dejjem qiegħed isir, kemm mill-assoċjazzjoni, kif ukoll mill-klabbs, sena wara l-oħra. Dejjem ħa jkun hemm x’tista’ tagħmel aħjar, imma mirakli ma jistgħux isiru lanqas!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
F’dawn l-aħħar 20 sena u fuqhom, inħossni xxurtjat li kelli esperjenzi ma’ kull etá li tista’ timmaġina. Ħdimt ma’ subien u bniet, nisa u rġiel, u f’kull kategorija u livell li hawn f’Malta. Dejjem fittixt sfidi ġodda, u fil-futur, jekk tiġi opportunitá tajba, dejjem bis-sapport tal-familja tiegħi, bħal kulħadd li huwa nvolut fil-futbol Malti, nixtieq nesperjenza sfida barra minn xtutna. Biss, il-preżent huwa Mosta FC, u qed inħares ‘il quddiem b’ħerqa kbira għal din l-esperjenza ġdida!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Kemm bħala plejer, kif ukoll bħala kowċ, kull ġurnata hija opportunitá biex titgħallem dak li ma tafx. Kun umli, kun serju f’kulma tagħmel, kun paċenzjuż, tagħtix kas l-istorbju ta’ dawk li għandhom aġenda personali tagħhom, u dejjem aħdem kemm tiflaħ. Emmen fik innifsek, u dejjem żomm f’rasek illi min qiegħed hemm biex jgħinek fi triqtek mhux neċessarjament ħa jgħidlek u jagħtik dejjem dak li tixtieq int biss, imma ħafna drabi, ħa jgħidlek u jagħtik dak li għandek bżonn biex tikber u titgħallem. Taqta’ qalbek qatt!