Monday, January 12, 2026

‘Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Kerċem Ajax FC b’mod pożittiv ħafna’ – Gabriel Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Minn dejjem kont inħobb nilgħab bil-ballun, kemm fit-triq kif ukoll mal-ħbieb, u l-futbol malajr sar parti minn ħajti ta’ kuljum. Bl-appoġġ tal-familja u n-nies ta’ madwari, bdejt nilgħab b’mod iktar organizzat, u minn hemm ’il quddiem l-imħabba lejn il-logħba kompliet tikber maż-żmien, speċjalment hekk kif bdejt nifhem is-sagrifiċċju, id-dixxiplina u l-pjaċir li jġib miegħu dan l-isport.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek b’self sa tmiem l-istaġun ma’ Kerċem Ajax FC?

Qed inħares lejn din l-esperjenza b’mod pożittiv ħafna. L-għan tiegħi hu li ngħin lit-tim kemm nista’ u nipprova nirbaħ kull Tazza possibbli. Fl-istess ħin, irrid inkompli nikber bħala plejer, speċjalment bl-għajnuna u l-gwida tal-kowċ Danijel Bogdanović, li minnu nista’ nitgħallem ħafna.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC u Tarxien Rainbows FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Ħamrun Spartans FC u Tarxien Rainbows FC kienet waħda importanti ħafna għall-iżvilupp tiegħi bħala plejer. Kelli l-opportunità nitgħallem minn coaches differenti u nilgħab f’livell għoli ma’ plejers ta’ livell, li għenuni nikber kemm teknikament kif ukoll mentalment. Barra minn hekk, li tkun f’ambjenti kompetittivi bħal dawn għenuni nifhem aħjar x’inhu meħtieġ biex tikkompeti fl-ogħla livell u tkompli tiżviluppa bħala plejer professjonali.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti u Għawdxi fil-preżent u kemm huma differenti minn xulxin?

Inqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent bħala wieħed tajjeb u kompetittiv, b’livell għoli ta’ organizzazzjoni u intensità. Hemm ħafna players ta’ kwalità u standards li qed jogħlew minn sena għall-oħra, speċjalment fl-ogħla diviżjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-futbol Għawdxi qed jagħmel passi ’l quddiem ukoll, b’ċerti timijiet li qed jinvestu fi plejers barranin ta’ livell u f’kowċis tajbin, li qed jgħollu l-kwalità tal-logħob u l-kompetizzjoni.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħala faċilitajiet mal-klabb, ir-riżorsi u l-infrastruttura huma tajbin u joffru dak kollu meħtieġ għat-taħriġ u l-preparazzjoni. Meta niġu għal-logħob kompetittiv, il-logħob jintlagħab fil-Gozo Stadium fuq ħaxix naturali.

Kif qed tħares lejn il-futur  aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol? 

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’mod pożittiv u determinat. Irrid inkompli nikber bħala plejer u nagħti l-massimu tiegħi fuq il-pitch, u fl-istess ħin nirbaħ kemm Tazzi kollettivi mat-tim tiegħi, kif ukoll dawk personali, biex nibqa’ nkompli nżid esperjenza u suċċessi fil-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għal min irid jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, l-importanti hu li taħdem iebes kuljum, tieħu ħsieb id-dixxiplina u titgħallem minn kulħadd madwarek. Tifhem li s-sagrifiċċju u l-paċenzja huma parti mill-logħba, imma jekk tibqa’ persistenti u determinat, tista’ tilħaq l-għanijiet tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport