Tuesday, September 16, 2025

‘Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Santa Lucia FC b’mod ambizzjuż u b’ħafna pożittivitá’ – Brady Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont nilgħab ma’ sħabi fit-triq. Minn hemm bdejt nilgħab fin-Nursery tal-Floriana FC.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Santa Lucia FC?

Qed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Santa Lucia FC b’mod ambizzjuż u b’ħafna pożittivitá.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

Il-president, kumitat u t-tim kollu, l-għan taghna huwa li nsalvaw malajr kemm jista’ jkun u wara nippruvaw niksbu l-promozzjoni.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Joseph Galea?

Il-kowċ Joseph Galea lgħabt biss kontrih peró fix-xahar u ġimgħa li ili taħt il-gwida tiegħu, nista’ ngħid li huwa persuna pożittiva ħafna, b’sessjonijiet ta’ taħriġ interessanti ħafna u jżomm tim magħqud u huwa persuna li tista’ tiddjaloga miegħu.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fl Albanija u kemm tgħallimt minnha.

Ġewwa l-Albanija għext futbol profesjonali, taħriġ filgħodu u filgħaxija fuq il-ħaxix naturali, logħbiet ‘home’ u ‘away’. Tmur il-lukanda dejjem għal-logħob ‘home’ u ‘away’. Nista’ ngħid li tgħalimt ħafna minn din l-esperjenza fil-karriera tiegħi.

Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell żdied f’kull diviżjoni peró jonqosna nżidu fil-konsistenza u l-infrastruttura.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Għamilna pass kbir fil-grawnds bħal meta tara l-Istadium Nazzjonali, it-Tony Bezzina Stadium, is-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium, peró l-art ta’ ċerti grawnds hemm bżonn jitranġaw. Irridu nkunu ċerti li l-grawnds fejn nilagħbu jkunu professjonali għax jekk le tista’ faċilment taffettwa logħba.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Bħala mentalitá għamilna pass kbir ħafna ‘l quddiem peró jonqos ħafna wkoll biex navviċinaw lil ċerti pajjiżi.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Inħares lejn il-futur tiegħi b’mod pożittiv ħafna peró ovvjament il-mument li tmiss ma’ barra minn xtutna, tkun trid tkompli hemm l-ewwel għax hemm mentalitá akbar għall-futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-akbar parir li nista’ nagħti fil-logħba tal-futbol hu li tkun pożittiv dejjem u temmen fik innifsek, għax issib ħafna li ma jkunux qed jemmnu fik! Ibqa’ aħdem u kun konsistenti!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport