Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir ħafna, dejjem kelli l-ballun f’idi. Niftakarni nilgħab barra fit-triq ma’ ħbieb u dejjem kont nistenna l-ħin tal-logħob b’ħerqa kbira. Il-familja tiegħi dejjem kienet tappoġġjani u kienet tħeġġiġni biex insegwi l-passjoni tiegħi. Il-futbol għalija ma kienx sempliċi logħba, imma parti minni.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Xewkija Tigers FC?
Qed inħares lejn din l-esperjenza b’entużjażmu kbir. Għadni kif ingħaqadt mat-tim u bdejna tajjeb b’rebħa fl-ewwel logħba u anke gowl min-naħa tiegħi. Dawn jagħtuna aktar kunfidenza għall-kumplament tal-istaġun.
X’inhu t-tragward tiegħek ma’ Xewkija Tigers FC?
It-tragward tiegħi hu li nkun konsistenti fil-prestazzjonijiet tiegħi, ngħin lit-tim jikber u nkun parti minn grupp li jikkompeti sal-aħħar għal suċċessi.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Nadur Youngsters FC?
Jien kbirt fin-nursery ta’ Nadur Youngsters FC, klabb li tani l-pedamenti kollha tal-futbol u li dejjem nibqa’ nirrispetta u napprezza.
U fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Victoria Hotspurs FC?
Fl-aħħar sentejn lgħabt ma’ Victoria Hotspurs f’Malta, esperjenza ġdida li fetħitli orizzonti differenti u għenitni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fil-gżejjer tagħna, għadna nonqsu f’ċerti aspetti ta’ faċilitajiet. Hemm bżonn ta’ aktar investiment f’grawnds moderni u ambjent aktar professjonali għat-taħriġ. Iżda minkejja dan, bħala plejers nagħmlu l-almu tagħna bl-għodod li għandna u nkomplu nitħarrġu b’dedikazzjoni.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar ’il bogħod tiegħek fil-futbol?
Il-ħolma tiegħi hi li nikseb l-ogħla livell possibbli, kemm f’Malta u possibilment barra minn xtutna wkoll. Qiegħed naħdem kuljum fuq l-aspetti kollha tiegħi biex inkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi. Qatt mhu faċli, imma b’determinazzjoni u xogħol iebes, nemmen li kollox hu possibbli!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Tħallu lil ħadd jgħidilkom li ma tistgħux tagħmluha. Il-futbol jitlob ħafna sagrifiċċji, dedikazzjoni u paċenzja. Iżda jekk temmen fik innifsek, taħdem iebes, u tibqa’ umli, tista’ tasal fejn trid. Ħossok grat għal kull opportunità u ibqa’ tgħallem dejjem! Il-vjaġġ mhux dejjem faċli, imma żgur li jiswa!

