Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Sa minn meta kont tifel, kont dejjem inħoss attrazzjoni naturali lejn il-ballun u lejn il-logħba nnifisha. Il-futbol kien preżenti fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, kemm bħala divertiment kif ukoll bħala mezz ta’ tagħlim. Permezz tiegħu, tgħallimt il-valuri tad-dixxiplina, ir-responsabbiltà, ‘teamwork’ u r-rispett, li huma essenzjali mhux biss fl-isport imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum.
Maż-żmien, din il-passjoni kompliet tikber u saret impenn serju. Il-futbol għalija ma baqax sempliċement logħba, iżda sar għodda ta’ żvilupp personali u professjonali. Kull sessjoni ta’ taħriġ u kull partita għenuni nikber kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna, u wassluni biex nibqa’ naħdem kontinwament fuq it-titjib tiegħi. Illum, inħares lejn il-futbol bħala parti fundamentali mill-identità tiegħi u bħala motivazzjoni kontinwa biex nagħti l-aħjar verżjoni tiegħi, kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Birkirkara FC?
Qed inħares lejha b’entużjażmu u determinazzjoni kbira. Birkirkara huwa klabb bi storja u ambizzjoni, u din l-esperjenza nara fiha opportunità importanti biex inkompli nikber bħala plejer, nitgħallem minn ambjent ġdid u nagħti l-aħjar tiegħi kull darba li ningħata ċ-ċans.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Floriana FC?
Floriana FC se jibqa’ dejjem parti kbira minn ħajti. Qattajt kważi għaxar snin hemmhekk, fejn trabbejt mhux biss bħala plejer imma wkoll bħala persuna. Kont iffortunat li ngħix mumenti sbieħ u diffiċli, nitgħallem ħafna, u nilbes flokk li jfisser ħafna għalija. Dejjem se nibqa’ grat lejn il-klabb, il-kowċis, il-plejers u l-partitarji li kienu hemm tul dan il-vjaġġ.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħi fil-futbol b’mentalità pożittiva u realistika fl-istess ħin. L-għan prinċipali tiegħi huwa li nkompli nitjieb kontinwament, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fiżiku u mentali, sabiex inkun nista’ nibqa’ kompetittiv u nagħti l-aħjar verżjoni tiegħi fuq il-grawnd.
Nemmen li l-konsistenza, id-dixxiplina u x- xoghol ta barra l pitch huma essenzjali biex plejer jibqa’ jiżviluppa maż-żmien. Għalhekk, qed niffoka fuq l-iżvilupp tiegħi ġurnata b’ ġurnata, mingħajr ma npoġġi limiti fuq dak li nista’ nilħaq, iżda dejjem b’rispett lejn il-proċess u l-opportunitajiet li jiġu.
Fl-istess waqt, nifhem li l-futbol huwa karriera dinamika, u għalhekk importanti li nibqa’ adattabbli u miftuħ għal sfidi ġodda. Kemm jekk fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, l-ambizzjoni tiegħi hija li nkompli nikber bħala plejer u bħala persuna, u nħalli impatt pożittiv kull fejn inkun.
Aktar
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol huwa li jemmen fih innifsu u qatt ma jaqta’ qalbu. It-talent huwa importanti, iżda mhux biżżejjed waħdu. Id-dixxiplina, ix-xogħol iebes, is-sagrifiċċju u l-konsistenza huma dak li verament jagħmlu d-differenza fuq medda twila ta’ żmien.
Huwa importanti li wieħed ikun lest jitgħallem, kemm mill-mumenti pożittivi kif ukoll minn dawk diffiċli, u li dejjem iżomm saqajh mal-art. Ir-rispett lejn il-kowċis, il-plejers l-oħra u l-logħba nnifisha huma fundamentali.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-futbol għandu jitgawda. Meta tagħmel l-affarijiet bil-passjoni, bl-umiltà u b’imħabba lejn il-logħba, iċ-ċansijiet li tasal għall-karriera sodisfaċenti u ta’ suċċess ikunu ħafna akbar!

