Thursday, August 7, 2025

‘Qed inħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħi ma’ Mqabba FC bħala sfida biex inkompli niżviluppa fi plejer komplut’ – Paolo Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Jien bdejt nilgħab il-futbol madwar l-etá ta’ ħames snin. Ta’ dik l-etá ma tkunx tista’ tiddetermina eżatt it-triq li ħa tieħu l-karriera tiegħek. Kien proprju madwar l-etá ta’ 15-il sena, fejn verament bdejt ninvesti lili nnifsi fil-logħba tal-futbol billi bdejt nieħu ħsieb il-fiżika u nkun iktar konsistenti fil-prattika tiegħi tal-futbol.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Mqabba FC?

Qed inħares lejha bħala sfida biex inkompli niżviluppa fi plejer komplut. Mqabba FC huwa klabb kompetittiv, li jħobb u jirrispetta lill-plejers tiegħu. Madankollu inħoss li Mqabba FC huwa l-aħjar ambjent għalija biex nifforma parti minn skwadra kompetittiva fejn nista’ nitgħallem minn plejers ta’ esperjenza u fl-istess ħin nikkontribwixxi lejn it-tim.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Marsaskala FC.
Ma’ Marsaskala FC, jien għamilt staġun wiehed fejn hemmhekk ingħatajt l-opportunità biex nuri x’naf fid-diviżjoni tan-National Amateur League 1, fil-pożizzjoni ta’ midfielder ċentrali u full-back. Minkejja li ġejna relegati, peró, xorta sodisfatt għal dak li għamilt fl-istaġun li għadda li servieni bhala pedament tajjeb biex nibni l-karriera tieghi kemm l-istagun li jmiss u dawk ta’ wara.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Inħoss li l-livell tal-futbol Malti għola matul dawn l-aħħar snin u dejjem qed jiġi iktar kompetittiv bi plejers ta’ etá iżgħar. Dis-sena, il-kampjonat bla dubju se jkun wieħed kompetittiv fejn it-timijiet ħa jkunu qed jissieltu biex jippruvaw jew jiġu promossi jew jevitaw r-relegazzjoni. Inħoss li d-distakk fil-livell bejn it-timijiet li qegħdin ikunu fil-qiegħ u fil-quċċata tal-klassifika dejjem qed jonqos.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
F’dawn l-aħħar snin saru wkoll xi manutenzjonijiet f’ċerti grawnds fejn jintlagħbu l-logħob kompetittiv. Għalkemm fadal x’isir, dan huwa pass fit-triq it-tajba. Rigward il-grawnds u r-riżorsi fejn nitħarrġu aħna l-plejers ta’ Mqabba FC, inħoss li huwa grawnd fejn għandna dak kollu li għandna bżonn, spazju fejn nittrenjaw, riżorsi ġodda u dressing rooms ġodda fjamanti. Meta kkumparat ma’ klabbs oħra li jkollhom jikru grawnds ta’ timijiet ohra u ma’ klabbs ta’ livell ogħla fejn l-istat tal-grawnd u r-riżorsi huma baxxi, inħoss li aħna grati minn dak l-aspett!

Kif qed tħares lejn il-futur aktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?
Jien l-għan tieghi li kull darba li mmur biex nilgħab il-futbol, dejjem nipprova nitgħallem xi ħaġa ġdida mid-darba ta’ qabel. L-għan tiegħi għal-futur kurrenti huwa li nibqa’ ma’ Mqabba FC sabiex nitilgħu f’diviżjonijiet ogħla. Għall-futur iktar ‘il bogħod, l-għan tiegħi huwa li nigi plejer stabbilit u t’esperjenza xierqa biex inkun nista’ ngħin plejers ta’ etá żgħira (viċin l-etá tiegħi) sabiex ikollhom gwida fil-bidu tal-karriera tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Għal dawk kollha li jixtiequ jimxu l’l quddiem fil-futbol nirrakommanda li dejjem tibqgħu konsistenti u saqajkom mal-art. WIeħed għandu dejjem jagħti l-massimu tiegħu meta jingħata ċ-ċans ħalli ma jiddispjaċihx x’ħin ikun għadda!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport