Thursday, December 26, 2024

“Qed inħarsu ‘l quddiem lejn aktar investiment ġdid f’pajjiżna” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Matul laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-gvern qed iħares ‘il quddiem lejn aktar investiment f’pajjiżna li jġib miegħu iktar xogħol għall-ħaddiema u opportunitajiet għan-negozji.

Fost il-punti diskussi f’din il-laqgħa kien hemm l-aċċess u s-sostenn għan-negozji mis-sistema finanzjarja. Dwar dan il-Prim Ministru qal li l-gvern jinsab miftuħ li jiddiskuti kif tista’ tkun indirizzata din l-isfida permezz ta’ skemi mħaddma mill-gvern u entitajiet governattivi oħra.

Sfida li qed jiffaċċjaw in-negozji u li tkellem dwarha l-Prim Ministru hija dik tan-nuqqas ta’ ħaddiema għall-karrieri ġodda li qed jinħolqu. Il-Prim Ministru qal li jifhem li din taf tkun ta’ tħassib għan-negozji, għalhekk huwa ż-żmien biex flimkien insawru politika ġdida dwar il-qasam tax-xogħol. Appella għal diskussjoni miftuħa dwar kif nistgħu nimxu ‘l quddiem f’dan it-tragward.

Huwa ħeġġeġ lir-rappreżentanti tan-negozji biex jagħtu l-kontribut tagħhom fil-bidliet li jrid jagħmel pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mad-dekarbonizazzjoni. “Dan huwa pass li rridu nagħmlu flimkien u nemmen li bħala għaqda għandkom irwol importanti ħafna f’dan il-qasam”, stqarr il-Prim Ministru.

Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela qal li filwaqt li pajjiżna għeleb l-isfidi tal-pandemija, anke permezz tal-għajnuniet tal-gvern, issa jeħtieġ nindirizzaw sfidi ġodda biex is-settur tan-negozji jkompli jirpilja u jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Konsultazzjonijiet pubbliċi oħra se jkomplu fil-jiem li ġejjin, din id-darba mal-pubbliku.

Kull min jixtieq jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-Baġit 2022 u jkun parti mid-diskussjoni jista’ jagħmel dan billi jżur finanzi.gov.mt/22.

Ekonomija

Sport