Sunday, November 24, 2024

“Qed inħarsu lejn futur fejn l-epatite C tkun xi ħaġa tal-passat… m’għadhiex kundanna għall-mewt”

It-tabib Dr Moses Camilleri b'appell b'saħħtu biex min għandu l-iċken dubju li xi darba ġie espost għal dawn il-viruses ma jistħix u jagħmel test tad-demm

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Kull sena, il-Jum Dinji tal-Epatite jiġi ċċelebrat fit-28 ta’ Lulju bil-għan li jinħoloq aktar għarfien dwar din il-marda.

L-epatite hija marda serja u potenzjalment fatali. Sfortunatament jista’ jagħti l-każ li min ikun marid biha ma jindunax sakemm ikun tard wisq. Għaldaqstant importanti li jekk taħseb li inti f’riskju, agħmel test tad-demm għax id-dijanjosi u t-trattament fi stadju bikri jistgħu jsalvawlek ħajtek. Ammonti kbar ta’ alkoħol, sustanzi tossiċi, xi mediċini, u ċerti kundizzjonijiet mediċi jistgħu jikkawżaw epatite.

Dwar dan, Maria Azzopardi tkellmet ma’ Dr Moses Camilleri li jaħdem fl-SMOPU, magħruf ukoll bħala ċ-ċentru tad-Detox li jinsab ġewwa l-isptar San Luqa.

X’inhi l-epatite u x’diversi tipi jeżistu?
L-epatite tfisser infjammazzjoni fil-fwied li tista’ tkun ikkawżata minn diversi affarijiet li mhumiex neċessarjament infettivi minn xi virus. F’xogħolna naraw każijiet ta’ epatite kkawżata minn konsum eċċessiv tal-alkoħol.

Hemm ukoll epatite li tiġi minn viruses li huma magħrufa li jagħmlu ħsara fil-fwied. Anke ċertu tipi ta’ mediċini jistgħu jikkawżaw din il-ħsara.

L-aktar li jissemmew huma l-epatite A, B u C. F’xogħolna niltaqgħu l-aktar mal-epatite C minħabba l-fatt li l-aktar mod komuni ta’ kif jittieħed dan il-virus huwa billi persuna tkun esposta għad-demm ta’ xi ħadd li jkollu din l-infezzjoni. Mhux l-ewwel darba li niltaqgħu ma’ nies li jużaw is-sustanzi billi jużaw labar. B’xorti t-tajba qed ninnotaw li dan l-użu, flimkien mal-fatt li wieħed juża’ l-istess labra ta’ ħaddiehor, qed jonqos.

Persuna li tixrob ammonti kbar ta’ alkoħol kemm tkun qed iżżid ir-riskju li timrad bl-epatite?
Ir-riskju huwa enormi. Meta tixrob iżżejjed għandek garanzija li se tagħmel ħsara fil-fwied. Mhux qed nirreferu għall-ammonti li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) tikkunsidrahom bħala ‘safer limits’ bħal tazza jew tnejn inbid mal-ikel imma qed nirreferu għal meta persuna tixrob ammonti ferm akbar b’tali mod li ssir ħsara fil-fwied. Ħafna drabi nindunaw b’dan meta jsir test tad-demm.

Kemm iddum biex tiżviluppa din il-ħsara?
Hemm ħafna fatturi li jikkontribwixxu kemm issir ħsara kbira u malajr bħal x’tip ta’ alkoħol wieħed qed jikkonsma, kemm qed jixrob u kemm ikun ilu jixrob. Fattur ieħor importanti li qed insiru aktar konxji tiegħu hija l-ġenetika.

Hemm nies li jagħmlu żmien twil jixorbu u l-ħsara ma tkunx daqshekk kbira daqs persuna li tkun tixrob forsi inqas u tkun ilha tixrob inqas. Hemm element ta’ ġenetika li se tiddetermina kemm dik il-ħsara tkun kbira. Attenti li ma nistaħbewx wara din il-ħaġa – jekk se tikkonsma l-alkoħol b’mod eċċessiv se tkun qed tilgħab man-nar.

Sfortunatament huwa verament faċli biex wieħed ikollu l-alkoħol u fil-fatt hija kkunsidrata bħala l-aktar sustanza użata.
Hekk hu. Il-kultura tagħna tilgħab parti minn dan għax bħal donnu tgħidilna li biex nieħdu pjaċir, niċċelebraw u meta nkunu f’kumpanija sabiħa qisu b’mod awtomatiku nistennew li se jiġi kkonsmat l-alkoħol. Dak il-ħin jaf tħoss is-sensazzjoni li qed tieħu iktar pjaċir però jekk jiġi kkunsmat b’mod eċċessiv se tkun qed issir il-ħsara, apparti li tkun qed iżżid riskji oħra fosthom li jkollok xi inċident jekk se ssuq.

Għandna ħafna każijiet ta’ epatite C u B f’Malta fost nies li jabbużaw mill-alkoħol u d-droga?
Fortunatament fil-każ tal-epatite B teżisti tilqima li tipproteġi tajjeb ħafna kontra din il-marda. Wieħed mis-servizzi li noffru fil-klinika tal-SMOPU hija li naraw li n-nies li jkunu f’kuntatt magħna ntuhom din it-tilqima b’xejn. M’għandniex ħafna każijiet ta’ epatite B għaliex ħafna min-nies huma protetti. Barra minn hekk din it-tilqima tingħata lit-tfal żgħar qabel ma jibdew l-iskola.

Sfortunatament m’għandniex tilqima għall-epatite C u għaldaqstant sa ftit tas-snin ilu konna nenfasizzaw ħafna fuq li nedukaw lin-nies ħalli jkunu jafu kif tittieħed biex jevitaw ir-riskji li jistgħu jesponuhom għall-virus. Qed ngħid sa ftit tas-snin ilu mhux għax din it-tip ta’ edukazzjoni ma baqgħetx importanti imma mill-2014 ‘il quddiem, fejn tidħol l-infezzjoni tal-epatite C, għandna kura eċċellenti forma ta’ pilloli b’aktar minn 95% ċans li tfiq.

Mill-2018 il-Ministeru tas-Saħħa nieda programm immirat biex sa ftit tas-snin oħra din l-infezzjoni tiġi eliminata f’Malta. Ma jfissirx li ma tibqax teżisti imma l-prevalenza tagħha titbaxxa ferm peress li l-maġġoranza tan-nies ikunu fiequ għax ikunu ħadu l-kura u għalhekk ir-rata ta’ trażmissjoni tonqos drastikament.

Qabel konna ngħidu li mal-40% ta’ nies li jużaw il-labar, jew li xi darba użawhom, huma infettati bl-epatite C. Dan ifisser madwar 1200-1400 ruħ. Bis-saħħa tal-mediċini li bdew jingħataw mill-2018 nikkakulaw li nofshom ħadu l-kura u ġew imfejqa. Din il-kura tiswa ħafna flus u l-Ministeru tas-Saħħa ikkommetta ruħu li jipprovdiha b’xejn.

F’każ li persuna tagħmel użu eċċessiv mill-alkoħol u tieqaf, jew timmodera, il-fwied għandu l-kapaċità li jirriġenera ruħu?
Iva, il-fwied huwa tip ta’ organu li jista’ jirriġenera ruħu. Inxebbaħ dan ma’ lasktu li meta ġġebbidha u titlaqha, din se terġa’ tmur għall-istess tul li kienet qabel. L-istess il-fwied. Jekk wieħed jagħmel żmien jixrob l-alkoħol se jagħmillu l-ħsara pero jekk jieqaf jew inaqqas l-ammont b’mod konsiderevoli, il-fwied se jerġa’ jmur għall-aħjar.

Pero jekk wieħed se jkompli jġebbed din il-lasktu għal diversi drabi u ma jieħux ħsieb li jibża’ għaliha, hemm ċans li tinqasam jew tiġġebbed b’tali mod li ma terġax tmur għall-forma oriġinali tagħha. Il-fwied huwa kapaċi ħafna li jirranġa l-ħsara li tkun saret imma għandu limitu. Jekk wieħed jasal għall-fażi li nsejħulha ‘chirrosis’ din mhix riversibbli u nibżgħu minnha minħabba l-fatt li l-fwied mhux qed jiffunzjona, u għalhekk se jkun hemm kumplikazzjonijiet, pero anke minħabba l-fatt li din il-kundizzjoni se żżid ir-riskju li jiżviluppa kanċer tal-fwied.

L-epatite tolqot iktar lin-nisa jew lill-irġiel u liema hija l-aktar età prevalenti?
Narawha iktar prevalenti fl-irġiel għaliex huma aktar magħrufa li jużaw l-alkoħol u s-sustanzi u għaldaqstant it-tip ta’ imġieba tagħhom se tesponihom aktar għal dawn l-elementi. Nikkalkulaw li għal kull erba’ irġiel ikun hemm mara li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna. Pero fin-nisa l-ħsara għandha t-tendenza li tiġi aktar malajr u hawnhekk jista’ jkun li jidħol l-element ta’ ġenetika.

F’xogħolna naraw nies ta’ età żgħira li huma morda bl-epatite, speċjalment fejn jidħlu d-drogi u sustanzi ta’ abbuż. Qed nitkellmu dwar nies ta’ 20-40 sena. Fejn jidħol l-alkoħol, l-età tista’ tkun naqra iktar avvanzata fejn naraw ukoll nies ta’ mezz’età u aktar.

X’tip ta’ esperjenzi tiltaqgħu magħhom bħala Aġenzija Sedqa u x’għajnuna tagħtu f’dan ir-rigward?
Il-maġġoranza tan-nies li jfittxu l-għajnuna mingħand l-Aġenzija Sedqa huwa minħabba l-fatt li tassew ikunu jixtiequ jbiddlu l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb u biex ħajjithom tmur għall-aħjar. Meta dak li jkun jersaq lejn is-servizzi tagħna turi saħħa kbira għax dak huwa pass ferm importanti u qatt ma jkun sinjal ta’ dgħjufija.

Il-prijorità assoluta tagħna hija li niffaċilitaw il-ħajja tal-persuni biex jieħdu l-kura li għandhom bżonn u jaslu fejn jixtiequ filwaqt li niffukaw is-servizzi tagħna biex lin-nies tassew nagħtuhom l-għajnuna meħtieġa. Meta jkun hemm bżonn ta’ kura għall-epatite C, nippreparaw lil dak li jkun, jekk jaqbel li nibgħatuh l-isptar, billi ngħinuh bħal li nippreparawlu testijiet tad-demm neċessarji. Ġieli noffru ħaddiema soċjali li jattendu mal-pazjent l-isptar biex jagħtu s-sapport meħtieġ u anke jkollna ħaddiema soċjali li joħorġu mill-klinika tagħna u jġibulhom il-mediċina f’każ li jkollhom problema ta’ trasport.

Insibu min jirreferi għall-epatite bħala “qattiel siekel”. Jista’ persuna tkun marida u ma tindunax biha għax ma tantx ikun hemm sintomi?
B’mod partikolari din tapplika għall-infezzjoni li twassal għall-epatite C. Naraw nies li jkunu ilhom 10, 20, 30 sena infettati imma għax qatt ma jkunu għamlu test tad-demm, li se jgħidlek jekk intix infettat jew le, jista’ jkun li inti qatt ma tħoss xejn jew forsi tħoss naqra għeja jew dardir li ma tassoċjahx mal-epatite C.

Ma jfissirx li l-ħsara ma tkunx qed issir. Fil-fatt nafu li l-ħsara li tagħmel l-epatite C il-biċċa l-kbira tiġri bil-mod ħafna u għalhekk jaf jgħaddu snin twal qabel ma’ wieħed iħoss xi ħaġa u jinduna.

Pereżempju, jekk jiena ġejt infettat bl-epatite meta kelli 20 sena u nagħmel 20 sena ma nagħtix każ jew qatt ma niċċekja, dan ifisser li għoxrin sena wara, meta ta’ 40 sena nkun għadni fl-aqwa tiegħi, niskopri li għandi l-fwied spiċċut.

Importanti li kull min jissuspetta li ġie espost għal dan il-virus, jagħmel test tad-demm. Hawnhekk qed nirreferi żgur għal min xi darba mess ma’ xi labar ta’ sustanzi u min ikollu diversi partners sesswali, minkejja li l-epatite C mhix marda li tittieħed faċli ħafna sesswalment, imma mhux impossibbli.

Mingħajr allarm żejjed, indikazzjoni oħra biex isir it-test tad-demm huwa f’każ li xi ħadd li jgħix pjuttost intimu ma’ persuna li għandha l-epatite C bħal f’każ li dak li jkun juża’ l-istess toothbrush ta’ xi ħadd li huwa infettat. Nerġa’ ngħid, dan it-tip ta’ virus ma jittieħidx faċilment imma jekk din il-ħaġa issir regolarment, nirrakkomandaw li wieħed jagħmel test tad-demm.

Li wieħed jimrad bl-epatite għadha ikkunsidrata bħala kundanna għall-mewt jew it-trattament avvanza b’tali mod li r-rata ta’ fejqan qed tiżdied?
Fil-każ tal-epatite C illum il-ġurnata teżisti kura. Fil-passat lill-pazjenti konna ngħidulhom li mit-test tad-demm irriżulta li huma infettati bl-epatite C u kienu jistaqsu: ‘U issa x’se nagħmel?’. Hemmhekk konna ngħidulhom li sfortunatament ma kienx hemm x’tagħmel ħlief li jittamaw li ma ssirx ħsara kbira fil-fwied ħalli ma jinħolqux kumplikazzjonijiet. Illum jekk xi ħadd isir jaf li għandu l-epatite C, malajr se ngħidlu li teżisti kura li b’garanzija se jitfejjaq għax 96% tal-persuni li jiħduha se jfiqu.

Min għandu l-epatite C għandu joqgħod attent jekk jisma ċertu stejjer, li huma vera, ta’ nies li ħadu l-kura u jgħidulek li ma jerġgħux jiħduha minħabba l-effetti sekondarji serji. Dawn qed jirreferu għall-kura ta’ qabel l-2014 u m’għadhiex tintuża. Il-kura li bdiet tingħata b’xejn mill-2018 ‘il quddiem hija kompletament differenti u tikkonsisti f’pillola kuljum għal 12-il ġimgħa. Din għandha rata ta’ fejqan kbira u l-effetti sekondarji huma minimi.

L-epatite B mhix daqshekk faċli biex nikkurawha imma l-mediċini li għandna jikkontrollawha tajjeb ħafna b’tali mod li l-ħsara fil-fwied tonqos.

Għaldaqstant, le ma ngħidx li epatite li ġejja minn viruses hija kundanna għall-mewt.

Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel direttament l-SMOPU (Detox Centre) fuq 2226 1800 jew ifittex il-Facebook page tal-FSWS – Foundation for Social Welfare Services.

Sport