Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont żgħira dejjem kont inħobb nilgħab bil-ballun. Id-dar insegwu ħafna l-futbol speċjalment il-Milan. Meta kont fil-Primarja l-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika (PE) kienet tarani ninteressa ruħi fil-futbol u allura kienet tħeġġiġni biex ningħaqad ma’ klabb. Minn dak iż-żmien ‘l hemm l-imħabba lejn il-futbol baqgħet tikber u ddeċidejt li ningħaqad ma’ tim.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tan-nisa ta’ San Ġwann FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġwann FC dan l-istaġun kienet waħda verament pożittiva u memorabbli. It-tim ta’ San Ġwann għamilna titjib kbir mill-bidu tal-istaġun sal- aħħar, ħloqna għaqda speċjali flimkien u dejjem konna ngħinu lil xulxin biex kull plejer kien jagħti l-massimu tiegħu, u l-kowċis dejjem żammewna motivati fuq l-għanijiet tagħna.
Personalment, l-istaġun li għadda, kien wieħed mill-aħjar għax ħassejt li stajt nuri min jien fil-grawnd, kbirt bħala plejer kif ukoll kelli ħafna opportunitajiet. Kull logħba kienet opportunitá biex nitgħallem u ningħaqdu bħala tim.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, San Ġwann FC, matul l-aħħar staġun?
l-klabb għamel passi kbar ‘il quddiem fejn jidħol involviment tan-nisa fil-logħba tal-futbol f’Malta. Bħala klabb qed jagħmlu hafna investimenti kemm fl-aspett tekniku speċjalment fejn tidħol taħlita ta’ opportunitajiet għall-plejers żgħażagħ. San Ġwann FC jagħtu ħafna importanza lill-futbol tan-nisa.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’ċertu ottimiżmu, iżda wkoll b’għajnejna miftuħa. Naf li hemm ħafna sfidi quddiemna, imma hemm ukoll ħafna potenzjal fit-tim kollu. L-importanti hu li nibqgħu magħqudin u ffukati fuq l-għan tagħna u li niksbu riżultati tajbin fil-kampjonat.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Jiena naħseb li l-futbol Malti tan-nisa dejjem qed jikber sena wara sena. Tant li qed naraw taħlita ta’ plejers ġodda fil-kampjonat.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Nahseb li fejn ikollna il-kompetizzjonijiet tal-kampjonat tagħna mhumiex tal-aħjar livell, ovvjament mhux kollox perfett iżda jiena naħseb li l-kundizzjonijiet tal-grawnds li nilagħbu fihom mhux mill-aħjar. Dan għaliex isir ħafna taħriġ u logħob fi żmien qasir. Dan jista’ jikkawża ħafna injuries li huma ta’ periklu għall-plejers.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li l-mentalitá dwar il-futbol tan-nisa f’Malta qed tinbidel bilmod, iżda għadna lura meta kkumparati ma’ pajjiżi oħra. Fl-aħħar snin qegħdin naraw iktar tfajliet qegħdin jinteressaw ruħhom fil-futbol. Iżda preġudizzji soċjali qegħdin iżommu lura dan l-iżvilupp, bħal meta nisimgħu nies jgħidu li l-futbol huwa biss għas-subien. Din il-mentalitá rridu naħdmu biex nibdluha speċjalment fil-media.
Jien nemmen li l-futbol tan-nisa għandu potenzjal kbir f’pajjiżna iżda rridu investimenti ikbar u viżibbiltá. Meta nagħtu lill-plejers nisa l-istess rispett daqs plejers irġiel inkunu qegħdin nimxu ‘l quddiem b’aspett ta’ ugwaljanza.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’ċertu ottimiżmu. Nixtieq nilħaq f’kemm livelli individwali kif ukoll bħala parti minn tim. Jien nemmen li fadalli ħafna esperjenza x’niggwadanja kif ukoll fadalli ħafna affarijiet x’nitgħallem, u għalhekk dejjem nixtieq li ntejjeb il-livell tiegħi fiżikament u mentalment. Ix-xewqa tiegħi minn dejjem kienet li nilgħab ma’ tim kompetittiv barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Nixtieq nagħlaq billi ngħid grazzi lil dawk kolla involuti fil-karriera tiegħi speċjalment lill-ġenituri tiegħi li jieħdu paċenzja kbira jwassluni għat-taħriġ kuljum u dejjem ikunu hemm għalija għal sapport u għajnuna, kif ukoll nixtieq nirringrazzja lill-kowċis tiegħi tal-opportunitajiet kollha biex jien nikber bħala persuna, kif ukoll bħala plejer u tad-dedikazzjoni kollha tagħhom. Nixtieq inżid messaġġ lil dawk il-bniet li jixtiequ jibnu karriera fil-futbol.
Illum il-ġurnata mhux dejjem faċli biex tinvolvi ruħek fil-futbol minħabba li dan l-isport huwa assoċjat mal-irġiel, iżda jekk għandek passjoni għal-logħba tista’ tilħaq l-għan li tixtieq. Il-parir tiegħi huwa li dejjem temmen fil-kapaċitajiet tiegħek, iżda mhux dejjem faċli … trid issib ambjent tajjeb fejn inti tħossok komda. Huwa importanti wkoll li qatt ma taqta’ qalbek minn ostakli jew kummenti negattivi li suppost għandhom jispirawk!