Tuesday, August 5, 2025

‘Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’ħeġġa kbira u ħafna determinazzjoni … l-għan tagħna hu li nibnu fuq dak li tgħallimna l-istaġun li għadda’ – Rhea Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol ilha hemm minn dejjem, sa minn meta kont żgħira. Kont

dejjem niġri l-ground ta’ San Ġwann ma’ missieri, li huwa involut fil-klabb bħala president, u hemmhekk bdiet il-passjoni tiegħi. Bdejt nilgħab il-futbol meta kelli 10 snin mal-Mosta, u dik kienet l-ewwel esperjenza tiegħi fuq grawnd kompetittiv. Aktar tard, meta missieri

ddeċieda li jiftaħ it-tim tan-nisa f’San Ġwann erba’ snin ilu, inqadt ma’ dan il-proġett u minn dakinhar il-vjaġġ tiegħi ma’ dan il-klabb sar parti essenzjali minn ħajti.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tan-nisa ta’ San Ġwann FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġwann kienet pożittiva immens u għalija tfisser ħafna. Bħalissa qed naħdem b’determinazzjoni biex nerġa’ niġi lura f’saħħti wara l-injuries li kelli f’dawn l-aħħar tliet snin, u qed nagħmel ħilti kollha biex nasal fejn nixtieq nasal fil-karriera tiegħi. Barra minn hekk, inħossni kburija li qed inservi wkoll bħala assistant coach mat- timijiet tal-Under 16 u l-Under 21, għax dan jagħtini ċ-ċans nagħti lura lill-klabb u nappoġġja żgħażagħ li għandhom l-istess passjoni tiegħi għall-futbol.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, San Gwann FC, matul l-aħħar staġun?

L-aħħar staġun kien wieħed ta’ sfidi iżda wkoll ta’ tkabbir għalija u għat-tim kollu. Bdejt l- istaġun u kelli ċ-ċans inkompli nintegra fil-livell tal-kbar, iżda sfortunatament injury

waqqfitni. Minkejja dan, ninsab kuntenta li bħala tim morna tajjeb u rajna progress kbir. It- tim beda juri identità ċara u mentalità aktar kompetittiva.

Ħaġa oħra li kburija biha hija li kellna ħafna plejers żgħażagħ involuti, u dan jagħti sinjal sabiħ għall-futur. Li tara tfajliet żgħar jagħmlu l-qabża għall-livell tal-kbar u juru kuraġġ huwa ta’ ispirazzjoni. Minkejja l-isfidi, konna grupp magħqud u wrejna li meta naħdmu flimkien, nistgħu nkunu kompetittivi kontra kull tim.

Għalija personalment, kien staġun fejn tgħallimt ħafna kemm mill-partiti li lagħabt, kif ukoll meta kont qed nirrijabilita ruħi. Dan kollu jagħtini aktar motivazzjoni biex fl-istagun li ġej nerġa’ nidħol b’saħħa u nagħti l-massimu tiegħi.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?

Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’ħeġġa kbira u ħafna determinazzjoni. L-għan tagħna hu li nibnu fuq dak li tgħallimna l-istaġun li għadda, inkomplu ntejbu l-logħba tagħna u nkunu aktar konsistenti fir-riżultati. Għandna grupp sabiħ, b’ħafna żgħażagħ b’potenzjal kbir, u naħseb li jekk inkomplu naħdmu flimkien nistgħu nagħmlu staġun ferm aktar b’saħħtu.

Personalment, qed nistenna li nerġa’ nkun fuq il-grawnd u nagħti l-massimu tiegħi biex ngħin lit-tim jilħaq l-objettivi tiegħu.

X’tikkummenta fuq id-Direttur Tekniku / Head Coach tat-tim tan-nisa ta’ San Gwann FC, Denilson Borg?

Denilson huwa persuna b’viżjoni ċara u b’passjoni kbira għall-futbol tan-nisa. Huwa dejjem juri dedikazzjoni biex it-tim jikber mhux biss fil-livell tekniku iżda wkoll fil-mentalità. Jaf joħloq ambjent fejn kull plejer iħossu importanti u motivat. Il-ħidma min-naħa tiegħu hija waħda bla waqfien, dejjem jippjana minn qabel kull staġun biex jilħaq it-tragward li jpoġġi. Naħseb li taħt il-gwida tiegħu, il-futbol tan-nisa f’San Ġwann għandu futur sabiħ.

Kif tqis il-livell tal-futsbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna qed jitjieb b’pass kostanti. Matul dawn l-aħħar snin rajna aktar organizzazzjoni, aktar kowċis kwalifikati, u anke kompetizzjoni aktar serja li tħeġġeġ lill-plejers biex jaħdmu aktar iebes. Qed naraw ukoll aktar żgħażagħ jersqu lejn il- logħba, li huwa sinjal pożittiv għall-futur.

Iżda xorta għad hemm fejn naħdmu speċjalment fuq żewġ aspetti kruċjali il- professjonaliżmu fil-livell tal-logħba u l-infrastruttura. Hemm bżonn aktar investiment f’faċilitajiet ta’ taħriġ u kundizzjonijiet li jippermettu lill-plejers jagħtu l-aħjar tagħhom. Barra minn hekk, għandna nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet għal-logħob kompetittiv u taħriġ speċjalizzat għal min qed jibda l-vjaġġ tiegħu fil-futbol.

Minkejja dawn l-isfidi, jien ottimista ħafna. Il-potenzjal hawn, u jekk nibqgħu naħdmu

b’viżjoni u pjan ċar, nistgħu nkomplu npoġġu l-futbol tan-nisa f’Malta fuq livell ogħla u aktar rispettat.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-faċilitajiet f’xi postijiet huma tajbin, iżda xorta hemm bżonn titjib. Meta nitkellmu dwar professjonaliżmu, il-kundizzjonijiet fejn titħarreġ huma kruċjali. San Ġwann FC qed jagħmel l-almu tiegħu biex jipprovdi l-aħjar ambjent possibbli, iżda bħala pajjiż għad hemm ħafna xi jsir. Din hija waħda mill-akbar sfidi għal ħafna klabbs, u nemmen li b’naqa’ ta’ għajnuna u aktar investiment fil-futbol tan-nisa, nistgħu naslu eqreb lejn il-livell tas-subien kemm f’termini ta’ importanza.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Il-mentalità tal-isport f’pajjiżna qed tevolvi bil-mod il-mod, u qed nara aktar nies jirrikonoxxu kemm hu importanti l-isport fil-ħajja tagħna, speċjalment fost in-nisa.

Madankollu, għad hawn min għadu jara l-isport bħala passatemp u mhux bħala opportunità serja jew karriera. Dan huwa wieħed mill-akbar ostakli li rridu negħlbu jekk irridu naraw aktar progress.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien determinata li nibqa’ nikber, kemm bħala plejer kif ukoll fil-ħiliet relatati mal-logħba. Il- futbol huwa parti kbira mill-ħajja tiegħi u rrid inkun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Il-pjan tiegħi hu li nkompli naħdem iebes u ma nieqaf qatt infittex titjib. Il-futur tiegħi inħares lejh b’ħafna tama u ambizzjoni, u waħda mill-akbar xewqat tiegħi hija li nerġa’ jkolli l-unur nirrapreżenta lil pajjiżi fil-futur.

Għaddi messaġġ finalli speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Lill-bniet kollha li jħobbu l-futbol, ngħidilkom emmnuhom il-ħolm tagħkom u qatt taqtgħu qalbkom. Illum hemm aktar opportunitajiet minn qatt qabel biex tirnexxu, għalhekk ibqgħu taħdmu, ibqgħu determinati u fuq kollox igawdu kull mument fuq il-grawnd.

Il-mumenti diffiċli jagħmlukom aktar b’saħħithom, u jekk temmnu fikom infuskom, il-ħolm tagħkom jista’ jsir realtà!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport