Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-karriera tiegħi fil-futbol bdiet mill-iskola fejn konna nilagħbu waqt il-brejk. Kont nifforma parti mit-tim tal-iskola fejn dak iż-żmien kienu jiġu organizzati kampjonati madwar l-iskejjel. Wara li spiċċajt mill-iskola kont iffurmajt it-tim ta’ Burmarrad AFC flimkien ma’ ħabib tiegħi Paul Bartolo fejn konna niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd u mmorru l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Imbagħad konna dħalna nilagħbu fil- federazzjoni dak iż-żmien immexxija minn Colin Cauchi fejn kont nilgħab fit-tim. Imbagħad kont irreġistrajt mat-tim tas-Sirens fejn kien ġie jkellimni Tony Cauchi u ddebuttajt mill-ewwel. Wara ħames staġuni kienu ġew għalija Hibernians FC fejn kont irreġistrajt magħhom għal sena b’self fejn kont iddebuttajt fil-ftuħ tal-istaġun kontra Valletta FC.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Team Manager ta’ Pembroke A. FC.
Din hija l-ewwel sena tiegħi bħala Team Manager ma’ Pembroke Athleta FC wara li kont għamilt xi żmien qabel fil-kumitat, erba’ snin minnhom bħala segretarju. Hija tabilħaqq esperjenza ġdida fejn fiha ħafna xogħol fejn trid tara li tieħu ħsieb il-‘wellness’ tal-plejers kemm matul it-taħriġ kif ukoll waqt il-logħbiet. Nieħu ħsieb ukoll norganizza l-attivitajiet bħala team building u dan biex inżomm lit-tim magħqud kemm jista’ jkun. Apparti mill-plejers nara li ngħin ukoll lill- istaff tekniku fejn ikun hemm bżonn.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pembroke A. FC matul l-istaġun li għadda fin-National Amateur League 1?
Bħala staġun li għadda kien wieħed diffiċli fejn kellna problemi minn kull lat fosthom il-plejers barranin fejn minħabba injuries ma stajniex nużawhom qabel Jannar. Kellna wkoll injuries fuq plejers stabbiliti u kellna logħbiet li lgħabna b’ħames plejers tal-Minors. Peró, bqajna naħdmu u bl-għaqda rnexxielna nsalvaw proprju fl-aħħar logħba tal-istaġun.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Għall-istaġun li ġej għamilna ċerti akkwisti li żgur se jagħmlu d-differenza u għalhekk qed inħarsu lejn l-istaġun b’ottimiżmu. Hemm ċertu entużjażmu u se naħdmu għal staġun pożittiv u għalkemm se nżommu saqajna mal-art, se ninżlu għal-logħob b’mod pożittiv u biex niġbru punti kemm nistgħu ħalli nilħqu t-tragward tagħna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jeffrey Mifsud?
Il-kowċ Jeffrey Mifsud nista’ ngħid li naħdem tajjeb ħafna miegħu fejn kien hu li avviċinani fil-bidu tal-istaġun wara li kont ħdimt miegħu ħames snin ilu. Huwa kowċ metikoluż ħafna u li jidħol fuq kull dettall u l-logħba jafha sew. Huwa kowċ dixxiplinat u ma jħares lejn wiċċ ħadd u dejjem jilgħab bi plejers li jħoss li jkunu addattati għal dik il-logħba partikolari.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar: jekk tridu li jkollkom suċċess fil-futbol importanti li tkunu dixxiplinati u lesti li tagħmlu sagrifiċċju u dejjem tisimgħu mill- pariri li jagħtukom il-kowċis jekk bħala plejers u rigward amministrazzjoni ħudu l- pariri ta’ nies li għandhom esperjenza fil-futbol. Għandkom dejjem tagħmlu dak li tifilħu u għandkom titilgħu s-sellum skaluna wara oħra!