Saturday, December 21, 2024

“Qed inħejju wkoll lilna nfusna għat-tkabbir, b’mod partikolari internazzjonali” – Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dan is-sit fl-aħħar jiem tkellem ma’ Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita. Tkellimna miegħu dwar l-investimenti li saru u l-prijoritajiet tal-kumpanija. Iddikjara bla tlaqlieq li l-kumpanija qed tħejji lilla nfisha għal tkabbir b’mod partikolari dak internazzjonali.

Melita toffri firxa ta’ servizzi lin-negozji. Liema hi l-akbar bażi ta’ klijenti: residenzjali jew kummerċjali? Kif qed tappoġġja n-negozji f’Malta? X’passi ħadt biex żidt dan l-appoġġ waqt l-imxija ta’ Covid-19, meta ħafna negozji qed isofru telf kbir?

Meta Melita tnediet fl-1992 kienet iffukata ħafna fuq is-suq residenzjali u llum, fil-fatt, aħna preżenti f’madwar 75 fil-mija tad-djar Maltin u Għawdxin. Il-kumpanija ila l-fuq minn 20 sena toffri servizzi lill-klijenti kummerċjali, infatti Melita Business tforni s-servizzi tagħha lil eluf ta’ kumpaniji minn negozjanti żgħar għal kumpaniji multinazzjonali.

Naturalment, is-sena 2020 kienet sena ta’ sfida kbira għal ħafna minn dawn il-klijenti. Il-konnettività li nipprovdu saret aktar kritika għall-klijenti tagħna f’Marzu, infatti il-bidla għal ‘remote working’ ġabet żieda ta’ 70 fil-mija fit-traffiku tal-internet. L-ikbar prijorità tagħna kienet li niżguraw li n-netwerk tagħna jkun jista’ jlaħħaq ma’ din iż-żieda mhux mistennija fid-domanda, billi nżommu lill-klijenti tagħna onlajn u konnessi permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni. Aħna appoġġajna lill-klijenti kollha tagħna f’dan il-ħin, billi konna flessibbli fil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet, nipprovdu pariri u, fejn meħtieġ, naddattaw malajr in-netwerks privati ​​għas-sitwazzjoni l-ġdida.

L-Internet of Things (IoT) qed jikseb aktar rikonoxximent u għarfien mill-pubbliku. Melita kif tippermetti lill-klijenti tagħha jużaw il-potenzjal sħiħ u l-benefiċċji tal-IoT?

In-negozju tal-Melita jiffoka dwar il-konnettività u jien komdu ngħid li Melita hija innovattrici ewlenija fl-IoT fl-Ewropa. Aħna l-uniku operatur fl-Ewropa li joffri servizzi tal-IoT mal-pajjiż kollu fuq 3G, 4G u NB-IoT (IoT Band Narrow). NB-IoT hija teknoloġija partikolarment interessanti li tippermettilna nikkonnettjaw sensors li jinsabu sew taħt l-art. Dan ifisser li anke fl-iktar livelli baxxi f’parkeġġ taħt l-art nistgħu nużaw applikazzjonijiet bħall-monitoraġġ ta’ spazji vojta sabiex jassistu parkeġġ ta’ karozzi jew saħansitra biex jindikaw nases mimlijin ġrieden! Dawn NB-IoT sensors, għandhom batterija li ddum sa 10 snin, allura ladarba jiġu installati grazzi għall-affidabbiltà tan-netwerk tagħna, l-informazzjoni mis-sensor tibqa’ għadejja mingħajr bżonn ta’ intervent uman.

L-aċċess għas-servizzi tal-IoT għamilnih sempliċi għall-klijenti tagħna f’Malta u madwar l-Ewropa. Permezz tat-tnedija ta’ Melita.io f’Settembru 2019, ħloqna pjattaforma li tagħti lill-klijenti tagħna l-flessibilità fil-prezz u fil-prodott offrut, kif ukoll kontroll permezz ta’ portal onlajn iddisinjat speċifikament għall-immaniġġjar tal-konnettività tal-IoT.

Minbarra s-servizzi tagħna f’Malta, dan l-aħħar nedejna m.iot fil-Ġermanja. m.iot huwa komponent ewlieni fl-istrateġija tagħna biex Melita, kumpanija Maltija ssir attur ewlieni f’dan il-qasam fuq livell internazzjonali.

Lil hinn mill-konnettività, flimkien mal-imsieħba tagħna qed noffru wkoll soluzzjonijiet kompluti għal applikazzjonijiet speċifiċi tal-IoT. Dan is-sajf Melita saret azzjonist ta’ HandsOn, kumpanija Maltija ewlenija fil-qasam ta’ IoT, li tipprovdi soluzzjonijiet IoT għat-traċċar ta’ vetturi u merkanzija. Aħna dejjem infittxu msieħba li joperaw fil-qasam tal-IoT u nistednuhom biex jersqu lejna biex jiddiskutu kollaborazzjoni. L-imsieħba jvarjaw fl-ambitu; minn konsulenza, għal disinn ta’ applikazzjoni, integrazzjoni ta’ sistema jew saħansitra analizzar ta’ dejta.

X’offerti kummerċjali jpoġġu lill-Melita tarġa ’l fuq mill-kompetizzjoni tagħha fejn jidħlu servizzi offruti lill-komunità kummerċjali?

Il-kapaċitajiet tal-IoT li għadna kemm iddiskutejna huma uniċi, anke fuq livell Ewropew. Iżda, ovvjament, hemm ħafna aktar x’toffri Melita Business. Ibda biex, aħna l-unika kumpanija f’Malta li għandna ċentru tad-dejta mibni apposta f’post strateġikament sigur li huwa wkoll iċċertifikat ISO27001. Dan iċ-ċentru tad-dejta joffri soluzzjoni għal kull negozju minn sempliċi rack għal firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ kolokazzjoni. Biex inżommu lin-negozji f’Malta jibqgħu għaddejjin mingħajr interuzzjonijiet, aħna nipprovdu konnettività internazzjonali kompletament redundant.

Servizz ieħor li jiddistingwi lill-Melita Business huwa l-kapaċità li toffri konnessjoni ibbażata fuq il-fibra għan-negozji mal-pajjiż kollu. Aħna diġà preżenti fiċ-ċentri ewlenin tan-negozji kollha u wkoll b’mod proattiv qed infasslu l-konnettivita’ bbażata fuq il-fibra lin-negozji f’żoni ta’ żviluppi ġodda. Komplejna nsaħħu l-offerta tagħna fis-settur tan-negozju permezz tal-akkwist tal-kumpanija Ozone li ppermettilna noffru servizzi tal-vuċi b’valur miżjud bħal Cloud PBX u servizzi ta’ hardware inkluż netwerking intern tal-Wifi tal-uffiċċji u sistemi tat-TV li jintużaw fl-industrija tal-ospitalità, li huma partikolarment rilevanti għal-lukandi u djar tal-irtirar. 

Melita diġà installat l-infrastruttura tan-netwerk 5G madwar Malta u bħalissa għaddejja minn testijiet f’ċerti żoni. X’inhi r-raġuni għall-ittestjar u x’inhuma r-riżultati li juru s’issa?

Kif qed tgħid sewwa, Melita diġà installat netwerk lest għal 5G madwar Malta u Għawdex. Dan il-proġett beda fl-2018 meta sseħibna ma’ Ericsson, kumpanija multinazzjonali Svediża rinomata globalment. L-introduzzjoni tlestiet fl-2019 u l-klijenti tagħna minn dakinhar ilhom igawdu l-benefiċċji ta’ dan in-netwerk avvanzat fuq 4.5G. Hekk kif il-mezzi 5G bdew isiru disponibbli, Melita ddeċidiet li kien il-ħin opportun biex tittestja kif jaħdem dan in-netwerk ta’ Ericsson fil-kuntest Malti fuq 5G. Għal dan it-test limitat qed nużaw frekwenzi wireless li ilhom jintużaw f’Malta għal ħafna snin. Ir-riżultati s’issa juru li teknikament in-netwerk jista’ jittrasmetti fuq 5G b’effett negliġibbli ħafna fuq l-emissjonijiet li jibqgħu f’inqas minn wieħed fil-mija tal-livelli ta’ linji gwida internazzjonali maħruġa mill-ICNIRP, entita’ approvata mill-WHO. Ir-riżultati tat-test 5G li għaddej bħalissa huma aġġornati kontinwament u jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit https://www.melita.com/mobile/5g-trial-results/

Bit-tnedija riċenti tal-iPhone 12 b’kapaċità 5G u b’fornituri oħra qrib li joffru din il-kapaċita’ fis-suq, meta taħseb li Melita tkun f’pożizzjoni li tibda toffri konnettività 5G f’Malta?

Il-prova tan-netwerk fuq 5G tal-Melita hija biss l-ewwel pass iżda deċiżjoni dwar meta nistgħu nibdew noffru servizzi 5G b’mod kummerċjali għadha ftit ‘il bogħod. L-ewwel nett, ir-regolatur Malti għad irid jassenja frekwenzi għal 5G. Ovvjament, id-domanda tal-klijenti għal network fuq 5G, nistennew li se tikber hekk kif aktar apparat li jippermetti 5G isir disponibbli, dan ser ikollu rwol importanti fid-deċiżjoni tagħna dwar meta ser iniedu 5G f’Malta.

Melita toffri firxa ta’ servizzi lill-utenti residenzjali: mowbajl, telefonija, internet u tv. Liema fih l-iktar qligħ? Liema hija l-akbar prijorità għall-kumpanija?

L-attenzjoni tagħna f’dawn l-aħħar snin kienet fuq l-investiment fl-infrastruttura tagħna kemm għal servizzi tal-mowbajl kif ukoll dawk fissi. In-netwerk tagħna tal-Ericsson, li huwa lest għal 5G huwa l-iktar mowbajl netwerk avvanzat f’Malta li joffri veloċitajiet u affidabilità akbar. Is-saħħa ta’ dan in-netwerk kellha impatt pożittiv bla dubju fuq in-negozju tal-mowbajl tagħna bin-numri tal-klijenti u s-sehem tas-suq jikber b’mod konsistenti. Melita, fil-fatt, issa għandha aktar minn 150,000 abbonat tal-mowbajl. L-investimenti tagħna fin-netwerk fiss jagħmel wkoll lill-Melita l-uniku operatur li kapaċi jwassal gigabit internet mal-pajjiż kollu, u jgħinna nżommu pożizzjoni ewlenija f’dan is-suq. Fl-aħħar is-servizzi kollha tagħna jiddependu fuq is-saħħa tal-infrastruttura tagħna u Melita hija impenjata li tipprovdi lill-klijenti tagħha bl-aħjar netwerks possibbli, bl-aħjar valur possibbli.

Kif kulħadd jaf Malta suq żgħir, allura l-offerti disponibbli f’Malta kif jistgħu jitqabblu ma’ dawk disponibbli fi swieq akbar barra l-pajjiż?

Fejn tidħol it-trasmissjoni ta’ sports, Malta għandha l-aħjar offerta fl-Ewropa. Fl-ebda pajjiż ieħor ma tista’ tara l-Premier League, is-Serie A, il-Bundesliga, La Liga, iċ-Champions League u l-futbol tal-Europa League, il-Formula One, is-Six Nations Rugby, l-aqwa tournaments tad-dinja tal-golf u tat-tennis – u aktar – għal €5 biss fix-xahar. Melita qed ittejjeb ukoll l-esperjenza għall-klijenti tat-TV tagħha permezz ta’ NexTV li tipprovdi lill-klijenti aċċess għal firxa wiesa’ ta’ stazzjonijiet Maltin u internazzjonali li jistgħu jitgawdew permezz tat-TV, App jew web browser fl-istess ħin.

F’ħafna stħarriġ, il-klijenti spiss jilmentaw dwar is-servizz tal-konsumatur offrut minn kumpaniji tal-komunikazzjoni f’Malta. X’qed tagħmel Melita biex toffri lill-klijent tagħha esperjenza aħjar ta’ customer care, kemm jekk residenzjali kif ukoll kummerċjali?

Is-servizz lejn l-konsumatur kemm fis-settur residenzjali kif ukoll dak kummerċjali huwa xi ħaġa li personalment tajt ħafna attenzjoni għaliha, u għamilta l-ewwel prijorità tiegħi meta wasalt fl-2016. Matul dawn l-aħħar erba’ snin investejna ħafna fis-sistemi u n-nies tagħna u għamilna progress sinifikanti. Il-klijenti kummerċjali tagħna issa għandhom ukoll tim dedikat sabiex joffri għajnuna lill-konsumatur, filwaqt li kumpaniji ta’ ċertu daqs għandhom maniġers dedikati bħala punt ta’ referenza. Fil-każ taċ-ċentru tad-dejta tagħna u l-klijenti tal-fibra morna pass oltre, billi introduċejna Service Level Agreements (SLAs) stretti fil-kuntratti tagħna li jiggarantixxu l-ħinijiet ta’ rispons skont is-sitwazzjonijiet partikolari tal-klijenti tagħna.

Għall-klijenti residenzjali tagħna, lura fl-2016 daħħalna Customer Service Promises fl-oqsma lill-klijenti tagħna ħassew li kienu l-aktar importanti: installazzjonijiet, tiswijiet, veloċità tal-internet u li l-problemi jiġu ttrattati malajr u b’mod effiċjenti. Dawn jinkludu l-garanzija tal-veloċità tal-internet li klijent huwa sottoskritt għaliha, meta mqabbad direttament mal-modem tagħna permezz ta’ konnessjoni bil-wajers, impenn biex iwettqu installazzjonijiet fi żmien jumejn ta’ xogħol, u noffru lill-klijenti l-abbiltà li jagħżlu slot ta’ sagħtejn li fih it-tekniċi tagħna se jżuru l-propjetà tagħhom biex iwettqu tiswijiet. Dawn huma impenji li diffiċli ssibhom internazzjonalment.

Bħala parti mill-isforzi tagħna aħna nissorveljaw il-livelli ta’ sodisfazzjon fost il-klijenti residenzjali fuq bażi kontinwa billi nużaw metodoloġija internazzjonali ta’ partijiet terzi. Id-dejta li għandna, turi mhux biss li s-sodisfazzjon tal-klijent ilu jitjieb b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar snin iżda li Melita issa sejra tajjeb ħafna skont il-parametri referenzjarji internazzjonali. Aħna partikolarment kburin li stajna nżommu dawn il-livelli għoljin ta’ sodisfazzjon tal-klijent tagħna minn Marzu ta’ din is-sena, meta l-maġġoranza l-kbira tal-impjegati tagħna kellhom jaqilbu f’daqqa għal remote working.

X’innovazzjonijiet hemm li l-klijenti jistgħu jistennew fil-futur immedjat?

Apparti l-iżviluppi fil-5G u l-IoT li huma innovazzjonijiet sinifikanti li għandu jkollhom rwol vitali fl-iżvilupp ekonomiku kontinwu ta’ Malta, il-viżjoni ġenerali tagħna tibqa’ li nagħtu lill-individwi u lin-negozji l-aħjar prodotti ta’ komunikazzjoni li jkunu jaqblu ma’ dawk li tista’ ssib madwar l-Ewropa kemm f’termini ta’ prezz kif ukoll ta’ prestazzjoni.

Fejn tara li Melita se tkun fis-snin li ġejjin? Xi osservazzjonijiet oħra?

Ma nistax inbassar il-futur imma li nista’ ngħid fiċ-ċert hu li Melita tinsab fuq vjaġġ eċċitanti. Għamilna investimenti sinifikanti f’Malta biex niżguraw li nkunu pożizzjonati tajjeb għal futur fejn it-teknoloġija u l-konnettività jkomplu jkollhom rwol importanti li kull ma jmur qed jiżdied b’mod esponenzjali f’ħajjitna.

Qed inħejju wkoll lilna nfusna għat-tkabbir, b’mod partikolari internazzjonali, permezz ta’ m.iot fil-Ġermanja u Melita Italia li tipprovdi servizzi ta’ internet b’veloċità għolja madwar l-Italja.

F’termini tal-azzjonisti tagħna, Melita tibbenefika milli tkun parti mill-portafoll ta’ investimenti tal-EQT Partners li huwa magħruf għall-impenn u l-investiment li jagħmlu biex iħejju kumpaniji għall-futur. Għal Melita dan ifisser li, apparti prospetti kummerċjali pożittivi, aħna kapaċi niddedikaw riżorsi sostanzjali biex inkunu ċittadin korporattiv attiv. Il-Fondazzjoni Melita, imnedija aktar kmieni din is-sena b’finanzjament ta’ €500,000, diġà bdiet tappoġġja numru ta’ inizjattivi biex tippromwovi ħiliet diġitali, u l-konservazzjoni tal-wirt u l-ambjent Malti. Fl-istess waqt, aħna qed naħdmu biex niksbu l-ambizzjoni tagħna li nsiru kumpanija newtrali fil-karbonju sal-2023.

Fl-aħħar nett, inżid li għandna tim b’saħħtu li huwa determinat li jipprovdi lill-klijenti kollha tagħna bl-aħjar esperjenza possibbli. Dan deher ċar matul dawn l-aħħar xhur u jien grat ħafna għall-isforzi kollha tagħhom. Għalhekk, filwaqt li dejjem hemm lok għal titjib, naħseb li Melita tinsab f’pożizzjoni tajba u lesta biex tkompli tikber fis-snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport