Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta ommi daħlitni fin-nursery tal-Hibernians F.C. Barra minn hekk, kbirt f’familja li għandha ħafna għal qalbha l-futbol. Niftakar ċar kont inqatta’ sigħat nara l-futbol ma’ ommi, nannuwi u anke mal-kuġini. L-interess tiegħi baqa’ jikber minn hemm. Għalkemm jien partitarju ta’ Bayern München, kont nammira ħafna lil Neymar għall-kunfidenza li kellu u għall-goals sbieħ li kien jiskorja.
Ħa mmur mal-ewwel ġħall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek b’self ma’ Kirkop United FC mingħand Fgura United FC?
Qed inqis din l-esperjenza ma’ Kirkop United FC bħala opportunità importanti li se tgħinni nikber kemm fil-futbol kif ukoll fuq livell personali. Kirkop United FC huwa klabb b’ambizzjoni u b’ħidma kontinwa, u jien determinat nagħti l-massimu tiegħi biex ngħin lill-klabb jilħaq l-għanijiet tiegħu. L-ambjent pożittiv u l-ispirtu ta’ tim li sibt mill-ewwel qed jgħinuni nidħol fil-mekkaniżmi tal-iskwadra b’mod naturali. Inħossni ħerqan ħafna sabiex nibda l-istaġun li ġej ma’ dan il-klabb.
Iddeskrivi l-esperjenzi preċedenti tiegħek fil-futbol ma’ Fgura United FC.
Fgura United FC kellha sehem importanti ħafna fil-karriera tiegħi, għax tatni fiduċja kbira li għenitni nibni l-kunfidenza tiegħi. Kien hemm ħafna mumenti sbieħ, bħal meta minn Sezzjoni C tlajna għal Sezzjoni B, u s-sena li għaddiet irnexxielna niktbu l-istorja tal-Fgura United FC meta rebħna l-league ta’ Sezzjoni B u rbaħna l-ewwel Tazza fl-istorja tal-klabb bħala Champions. Dawn kienu esperjenzi ta’ valur li għenuni nikber mhux biss bħala plejer iżda wkoll bħala persuna. Għandi rispett kbir lejn il-klabb, il-kowċis u s-supporters li dejjem emmnu fija u għenuni niżviluppa.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti qed juri progress konsistenti. Żgur li għad hemm fejn intejbu, iżda l-livell kompetittiv żdied u l-mentalità sportiva qed tiżviluppa f’direzzjoni pożittiva. Dan qed narawh mill-kwalità tal-logħob fil-kampjonati lokali.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Kulħadd jaf li r-riżorsi f’Malta huma limitati, iżda hemm ħidma li qed issir. Għandna fejn nitħarrġu u nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna, imma ċertament hemm lok għal titjib. Għalkemm qed naraw żvilupp fl-infrastruttura sportiva, għad hemm bżonn li jitjiebu ħafna minn dawn il-faċilitajiet. Ħafna drabi, nuqqas ta’ manutenzjoni tajba tal-pitches iwassal għal riskju akbar ta’ injuries u dan hu fattur li rridu nieħdu bis-serjetà jekk irridu nħarsu l-benesseri tal-atleti.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar ’il bogħod tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi bil-viżjoni li nibqa’ nikber u nitjieb bħala plejer, u fl-istess ħin inkun ta’ kontribuzzjoni sinifikanti għall-klabb li nkun parti minnu. Il-ħolma tiegħi hija li nkompli nilgħab fil-livelli l-aktar għoljin possibbli, u forsi anke li nirrappreżenta lil pajjiżi fuq livell internazzjonali. Dan jista’ jseħħ biss permezz ta’ dedikazzjoni, dixxiplina u xogħol iebes ta’ kuljum.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol hija passjoni li trid tkun akkumpanjata minn determinazzjoni, sagrifiċċji u serjetà. Mhux dejjem se tkun faċli, iżda jekk temmen fik innifsek, taħdem b’mod professjonali, u tagħti każ tal-pariri ta’ dawk li jridu l-ġid tiegħek tista’ tilħaq mal-ħolm tiegħek. Ibqa’ umli, għix kull mument, u qatt tieqaf titgħallem!