Dr Abela ħabbar li bħalissa qed isir proċess mill-Awtorità tal-Artijiet mal-konsorzju MIDI biex fil-ġimgħat li ġejjin il-konċessjoni ta’ Manoel Island ma tibqax għand l-iżviluppaturi u l-art tingħata lura lin-nies.
Spjega li kieku l-Gvern sema’ mill-Partit Nazzjonalista u ffirma l-pakkett offrut mill-MIDI, ma kienx ikun fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, għax għalkemm il-konsorzju qed jikkopera fit-taħditiet, kien hemm aspetti, li mhux fl-interess tan-nies. Sostna li l-Ponta ta’ Tigné hija żviluppata żżejjed u mhux meħtieġ iktar żvilupp f’dawk l-akwati, tant li stqarr il-Gvern miftuħ għall-ideat dwar l-użu tal-Forti Tigné wara li jiġi restawrat biex jitgawda min-nies.
Qal li ċerti żoni kulma għandhom bżonn tindifa u jistgħu jinfetħu għall-pubbliku, l-istess kif hemm fil-White Rocks, fejn ċerti spazji miftuħa li se jitnaddfu u jkunu jistgħu jitgawdew mill-familji. Il-Prim Ministru qal li d-ditta Chapman Taylor tqabbdet biex tiddisinja l-ideat li qed joħorġu mill-konsultazzjoni pubblika li qed issir, fosthom mat-tfal, li esprimew ix-xewqa għal faċilitajiet sportivi fil-beraħ, spazju biex il-familji jieħdu l-pets tagħhom fil-park, u r-rijabilitazzjoni ta’ binjiet antiki ta’ żmien l-Ingliżi.
Dr Abela spjega kif bejn Manoel Island, il-White Rocks, il-Forti Campbell u l-Forti Tigné, se tkun qed tingħata art pubblika lin-nies ikbar mid-daqs tal-Belt Valletta, b’kuntrast ma’ dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista meta art daqs is-Siġġiewi kien taha għall-iżvilupp bit-tibdil li kien għamel fil-pjani lokali. Qal li l-art pubblika li ngħatat minn Gvern Nazzjonalista lill-MIDI fis-sena 2000 għall-iżvilupp hija eżempju ta’ kif qatt m’għandha ssir konċessjoni.

