Forsi ħafna insew. Kien proprju ħames xhur ilu, fl-20 ta’ Jannar fejn il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump fid-diskors tal-inawgurazzjoni tiegħu kien iddikjara ċar u tond li s-suċċess tiegħu se jitkejjel “mill-gwerer li ntemmu – u forsi l-aktar importanti, il-gwerer li qatt ma nidħlu fihom.”
Kienet dikjarazzjoni li ħafna laqgħuha b’idejhom miftuħin. Ħafna emmnu dak li kien qed jgħid. Illum imma ħames xhur wara qegħdin naraw sitwazzjoni differenti. Qegħdin naraw id-diskors jinbidel. Qegħdin naraw lil Trump jikkunsidra li juża missili kontra l-Iran. Dan minkejja li għandu bosta pariri minn ħdan il-Partit Repubblikan stess biex ma jagħmilx dan.
Din id-deċiżjoni ddur mal-fatt li hemm bżonn missili partikolari biex jippenetraw l-impjant f’Fordow li hu bunker nuklejari fil-muntanji fl-Iran u li jinsab madwar 90 metru taħt l-art.
Waqt li għandna din is-sitwazzjoni li minnha nfisha qiegħda toħroġ inċertezza kbira madwar id-dinja, l-Unjoni Ewropea quddiem din il-kriżi dinjija qiegħda tibqa’ gallarija. Għal darba oħra każ ieħor ta’ falliment totali fil-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Ħafna pajjiżi Ewropej baqgħu ukoll b’ħalqhom magħluq.
M’hemmx dubju li f’każ ta’ involviment dirett mill-Istati Uniti, dan il-kunflitt ikollu effetti negattivi tremendi fosthom il-biża’ li l-kunflitt jinfirex aktar. L-attakk ta’ Iżrael li imbagħad wassal għar-ritaljazzjoni tal-Iran, għandhom riperkussjonijiet kbar għar-reġjun u anke għad-dinja. Hu żbaljat min qed jirreferi għal dan il-kunflitt bħala xi kunflitt ieħor bħal oħrajn fil-lvant nofsani. Din hi kriżi dinjija, li faċilment tista’ tfisser gwerra bejn diversi pajjiżi.
Hu kunflitt li fih qed toħroġ l-ipokreżija tal-Prim Ministru Iżraelit Netanyahu. Ikkummenta fl-aħħar sigħat u enfasizza li Iżrael qed jattakka biss żoni militari biex jeqred żoni nuklejari. Ikkundanna lill-Iran u qal li dan qed jattakka żoni ċivili fosthom sptarijiet. Hu kundannabbli għall-aħħar li jiġu attakki żoni ċivili u sptarijiet, imma wieħed ma jistax ma jistaqsix fejn kien Netanyahu meta rajna sptarijiet f’Gaża jiġu attakki minn Iżrael. Fejn kien meta b’mod kontinwu rajna tfal u nies ċivili jinqatlu? Fejn kien meta l-poplu ta’ Gaża kien qed jinqatel bil-ġuħ?
Dak li ġara fit-13 ta’ Ġunju meta Iżrael attakka lil Iran rajna lill-istess Iżrael iwarrab għal kollox il-liġi internazzjonali. Issa bil-mod il-mod qegħdin naraw tiddaħħal ix-xejra li pajjiż juża s-saħħa militari tiegħu fuq pajjiż ieħor. Hekk għamel il-Prim Ministru Netanyahu. Kunfidenti mis-saħħa tal-militar tiegħu, għamel l-għażla li jattakka lill-Iran. M’għadx hemm dubju li l-għan tiegħu mhux biss li jwaqqaf il-programm nukleari ta’ theddida ta’ Tehran iżda li jqanqal il-waqgħa tar-reġim innifsu.
Hekk kif il-prinċipju ta’ min hu l-aktar b’saħħtu qiegħda ssir dejjem aktar prevalenti, illum jinħass il-bżonn aktar minn qatt qabel li tiġi affermata mill-ġdid l-importanza tal-liġi internazzjonali.
Iċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti jistabbilixxi ordni li tirrestrinġi severament li pajjiż juża l-forza. Jgħid li l-Istati kellhom “jieqfu fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom mit-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kwalunkwe Stat jew bi kwalunkwe mod ieħor inkonsistenti mal-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.” Fiċ-Charter kien hemm biss żewġ eċċezzjonijiet espliċiti għal din il-projbizzjoni: forza awtorizzata mill-Kunsill tas-Sigurtà u forza f’awtodifiża.
Prinċipji li l-Istati Uniti kienet waħda minn dawk il-pajjiżi li kisirthom fis-sena 2003 bl-invażjoni tal-Iraq, liema invażjoni saret minħabba dawk li kienu qalu li kienu armi ta’ qerda tal-massa. Wara irriżulta li din kienet biss gidba sponsorjata mill-istat. Wara pajjiżi oħra segwew.
L-istorja turina li bidla fir-reġim imposta minn barra twassal għall-kaos sħiħ. Nistgħu inħarsu lejn l-Iraq, il-Libja u l-Afganistan. Għal darba oħra qegħdin naraw li ma tgħallimna xejn minn dak li ġara fil-passat. L-istorja dejjem urietna li l-gwerer ħallew biss telliefa u qerda. Minkejja dan, għal darba oħra, għandna Stati bħal Istati Uniti u Iżrael li qegħdin jinjoraw dan kollu b’detriment għal ħafna popli u għad-dinja b’mod inġenerali.