Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Servizzi u FinanziRiccarda Darmanin qalet li f’dawn l-aħħar erba’ snin it-Taqsima għaddiet minn żviluppi sinifikanti, fosthom billi kisbet ir-rikonoxximent ta’ postijiet ġodda tax-xogħol li qatt qabel ma kienu jagħmlu parti mit-Taqsima.
Professjonisti bħal mużiċisti mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, kumpaniji tal-IT, professjonisti fil-qasam tal-kostruzzjoni, u ħaddiema fil-qasam tal-gaming, ħaddiema tal-MCESD u professjonisti f’entitajiet tal-Gvern ġabu total ta’ mal-40 post tax-xogħol f’din it-Taqsima.
“Din id-diversifikazzjoni hija xhieda tal-fiduċja li qed tinbena u tal-ħtieġa li nibqgħu rilevanti għal kulħadd,” qalet Darmanin li fakkret ukoll kif irnexxielhom jagħlqu għexieren ta’ Ftehim Kollettivi li kienu kruċjali biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u stabbli. “Minn ħaddiema fl-avjazzjoni, transport, banek, clerks tal-kuntratturi, servizzi bħad-Dar tal-Providenza, sa impjegati f’awtoritajiet pubbliċi – kull ftehim huwa pass lejn aktar ġustizzja u rispett.”
Darmanin tkellmet ukoll dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u spjegat kif din qiegħda timxi b’ritmu mgħaġġel u qiegħda tolqot direttament lill-ħaddiema membri tal-unjin. Qalet ukoll li sfortunatament, qed jaraw żieda kbira fl-istress u fi kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali.
“Madanakollu”, żiedet tgħid Darmanin, “qegħdin kontinwament inħejju ruħna għal dawn l-isfidi. Meta ninnegozjaw ftehim kollettiv, il-pakkett finanzjarju huwa importanti, imma qed nagħtu prijorità wkoll lill-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiem.”

