Thursday, December 26, 2024

“Qed naħdmu fuq pjan ħolistiku għal Kemmuna”

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA jgħid li jrid jinħoloq bilanċ fejn il-bajja tkun għall-poplu bis-sidien tad-deckchairs ikollhom l-ispazju tagħhom

Aqra wkoll

“Jiena ngħid li jrid jinħoloq bilanċ fejn il-bajja għandha tkun għall-poplu bis-sidien ta’ dawn id-deckchairs li jkollhom l-ispazju tagħhom. Filwaqt li persuna għandha dritt tgawdi l-kosta Maltija mingħajr ma tħallas xejn hemm oħrajn li jippretendu servizz, kumdità u lesti li jħallsu għalih.”

Stqarr dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef f’intervista li saritlu minn dan is-sit dwar is-sitwazzjoni tad-deckchairs u l-umbrelel f’Kemmuna, u temi oħra marbuta mat-turiżmu, industrija li bħala pajjiż niddependu wisq minnha. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA spjegalna wkoll li: “għandna kumitat li flimkien mal-Ministru Clayton Bartolo u Ministeri oħra qed jaħdem fuq tfassil ta’ pjan ħolistiku għal Kemmuna fejn mhux biss naraw li jaħdem fis-sajf iżda wkoll fix-xitwa fejn hemm l-aspett naturali li hu opportunità kbira.”

Mistoqsi dwar x’jinvolvi l-irwol tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv tal-MTA, huwa stqarr li xogħlu huwa li “r-riżorsi umani u finanzjarji li jafdana bihom il-gvern, ninvestuhom u nħaddmuhom bil-ghaqal sabiex nieħdu l-aħjar rizultati possibbli  minnhom għall-ġid ta’ pajjiżna. Barra minn hekk xogħli hu li flimkien mat-tim tiegħi naraw kif inkunu dejjem kreattivi u attivi sabiex nattiraw aktar turiżmu ta’ kwalità lejn pajjiżna tul is-sena kollha. 

“Jien ġej mis-settur tal-marketing, insegwi mill-qrib dak li jkun għaddej fl-industrija, kemm lokali kif ukoll internazzjonali u għalhekk flimkien mat-tim tiegħi dejjem naħseb fi strateġiji sabiex inkomplu ntejbu l-prodott tagħna u nwasslu l-messagg tagħna b’mod effiċjenti u konvinċenti fis-swieq barranin. Dan kollu nagħmluh għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi li jiddependi ħafna minn dan is-settur li ghandu sehem kbir fl-ekonomija ta’ Malta u Għawdex.”  

Micallef iddeskrivilna wkoll il-ħidma li tagħmel l-MTA matul is-sena. Hu kkonferma li l-ħidma tagħhom tvarja matul is-sena, però l-attività ta’ Marketing tkun waħda kontinwa sabiex jintlaħqu diversi niċeċ fosthom il-btajjel għax-xemx, bahar u kultura, il-konferenzi, it-tagħlim tal-Ingliż, opportunitajiet għall-għaddasa u turiżmu sportiv.

L-Awtorità għandha uffiċini tagħha fl-Ingilterra, il-Germanja, l-Italja, Franza, l-Polonja, l-Awstrija u l-Iżvizzera, rappreżentanti f’pajjiżi oħra Ewropej, kif ukoll fil-Ġappun, fl-Emirati Għarab Magħquda, u l-Amerika sabiex il-messaġġ jasal kemm jista’ għand it-turist prospettiv. 

Il-ħidma ta’ l-Awtorità barra l-pajjiż hija megħjuna b’sisien sodi minn Direttorati ohra fl-MTA li huma responsabbli mill-izvilupp u manutenzjoni tal-prodott Malti u zoni turistici, id-Direttorat tal-Licenzji, id-Direttorat tar-Ricerka u Konnettività bl-ajru ma ajruporti barranin, id-Direttorat tal-Events kif ukoll id-Direttorati tal-Finanzi u dak Regolatorju. 

Iżda kemm jaħdmu id f’id mal-Ministeru tat-Turiżmu?

“Minkejja li din hi awtorità indipendenti, naħdmu mill-qrib ħafna f’sinerġija mal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministeru tiegħu, b’konsultazzjoni kontinwa ma’ stakeholders fl-industrija, linji tal-ajru, Ministeri u entitajiet oħra u anke l-pubbliku inġenerali.”

Skont stħarriġ li sar mill-MHRA, t-turisti f’Malta qed jonfqu inqas milli kienu qed jonfqu qabel il-pandemija tal-Covid-19. X’jikkummenta Micallef?

Hu jgħidilna li ħadd qatt ma basar li d-dinja wara l-2019 kienet se tidħol f’pandemija globali. B’xorti tajba matul din is-sena beda rkupru b’saħħtu fejn qed jerġgħu jżuruna numru kbir ta’ turisti f’pajjiżna għalkemm sfortunatament il-linji tal-ajru u l-ajruporti qed ikollhom ħafna problemi bejn titjiriet ikkanċellati u nuqqas ta’ ħaddiema. Minkejja kollox, l-irkupru huwa aħjar milli ħafna bassru fil-bidu ta’ din is-sena u l-linja nazzjonali AirMalta qiegħda ttajjar titjiriet prattikament ppakkjati u ma ssibx post vojt. 

Lokalment, il-lukandi bi tlieta jew erba’ stilel tista’ tgħid mimlijin u qed igawdu sajf tajjeb ħafna filwaqt li dawk ta’ ħames stilel għalkemm mhux jilħqu okkupanza sħiħa qed jirkupraw tajjeb ukoll bi prezzijiet li jikkomparaw tajjeb ħafna jew ogħla mill-2019.

“Hi xi ħaġa normali li ċerti turisti se jkunu qed jonfqu inqas għax il-flus fil-but ġejjin bil-mod il-mod wara li ħafna kienu tilfu x-xogħol tagħhom jew parti mis-salarju matul il-pandemija, issa bl-inflazzjoni u bil-kriżi globali li għaddejjin minnha verament joqogħdu attenti kif jagħmlu x-xirjiet jew l-akkwisti tagħhom.”

Fl-istess waqt, tlabna lil Carlo Micallef sabiex ikellimna fuq il-frekwenza tal-linji tal-ajru lejn pajjizna.

“Fil-verità s’issa żammejna kważi r-rotot kollha fejn dawn l-istess linji tal-ajru kienu bdew jippjanaw is-sena f’Jannar u Frar. Peress li kien hemm il-virus tal-Omicron fl-ewwel xhur ta’ din is-sena, l-ippjanar ma setax ikun daqshekk ċert u kien hemm fejn ngħidlek li tlifna ċertu turiżmu minn pajjiżi li tradizzjonalment jiġu Malta u jonfqu ħafna flus hawnhekk. In-numru ta’ turisti Amerikani, Kanadiżi, Ġappuniżi, Koreani, Ċiniżi u Awstraljani li tradizzjonalment jonfqu iżjed mill-medja għadu ma rkuprax, mhux f’Malta biss imma madwar l-Ewropa kollha. Minħabba l-gwerra u s-sanzjonijiet tlifna wkoll it-turist Russu li kif jaf kulħadd hu turist li jonfoq tajjeb.

Finalment tlabna lil Carlo Micallef sabiex jgħaddi messaġġ lill-qarrejja tagħna.
“Nista’ ngħid li kważi ċertament kull familja f’pajjiżna għandha lil xi membru tal-familja jew iktar li direttament jew indirettament jiddependi għall-għajxien tiegħu jew tagħha mit-turiżmu. Jekk qatt kellna dubju dwar dan, neħħejnieh f’Marzu 2020 ghax malli għalaq l-ajruport tista’ tgħid waqaf kollox u li kieku ma kinitx l-għajnuna li tal-Gvern ħafna impjiegi kienu jintilfu u negozji jfallu. Irridu nibżgħu għal din l-industrija u verament nibqgħu nsostnuha u naraw lit-turist imur lura lejn pajjiżu sodisfatt. Jekk ma jerġax iżurna fi żmien qasir, turist sodifatt jista ikun l-aqwa ambaxxatur għal pajjizna fejn jirrakkomanda il-Gżejjer Maltin ma’ familjari u ħbieb.”

“Bis-sehem ta’ kulħadd, Malta u Ghawdex jibqaw ikunu id-destinazzjoni turistika ewlenija għal dawk li ifittxu btajjel li joffru esperjenza sabiha ghall-familja kollha tul is-sena kollha.”

Ekonomija

Sport