“Nemmen li għandna niżguraw li l-ispazji pubbliċi jkunu jinsabu dejjem fl-ordni u aċċessibbli għal kulħadd. Bħala Kunsill Lokali qegħdin naħdmu flimkien mal-awtoritajiet ikkonċernati biex nipprevjenu sitwazzjonijiet simili u biex inżommu l-livelli ta’ sikurezza u aċċessibilità meħtieġa għall-komunità kollha, sabiex il-Belt Valletta tibqa’ vibranti u organizzata”.
Iddikjara dan is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay f’kumment li ta lil dan il-ġurnal wara li sid ta’ ristorant fil-Belt għażel li jħalli kollox armat bħal umbrelel, imwejjed u siġġijiet waqt li kienet għaddejja l-purċissjoni ta’ San Ġużepp, u dan minkejja li kien infurmat mill-awtoritajiet li kellu jżarma kollox minħabba l-purċissjoni.
Fil-kummenti tiegħu, is-Sur McKay qalilna li jinsab infurmat li il-każ issa jinsab taħt investigazzjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati. Qalilna li huwa informa lill-awtoritajiet rilevanti proprju waqt li kienet għaddeja l-purċissjoni ta’ San Gużepp fil-Belt Valletta biex jieħdu azzjoni skont il-liġi. Huwa rringrazzja wkoll lill-forzi tal-ordni u l-istewards tal-Belt Valletta li kienu fuq il-post mill-ewwel.
“Qed nikkollaboraw mill-qrib mal-entitajiet biex niżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha neċċessarji speċjalment meta jkun hemm attivitajiet bħal dawn fil-Belt Kapitali. Kull min jafni, jaf li jien persuna li nħobb niddjaloga u nisma’. Nemmen li l-komunità jixirqilha aħjar,” temm jgħid is-Sindku tal-Belt Valletta.