Friday, November 15, 2024

“Qed naħsbu f’apparat li jgħin lil tfal bl-awtiżmu jesprimu ruħhom”

Tgħid dan Marie Louise Coleiro Preca – Chairperson Malta Trust Foundation

Aqra wkoll

Il-Malta Trust Foundation ġiet imwaqqfa fis-sena 2015 mill-President Emeritu l-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca. L-għanijiet ta’ din il-fondazzjoni huma varji għalkemm dak prinċipali hu li jassisti u jagħti sapport lit-tfal u żgħażagħ li qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. Hu għalhekk li din il-fondazzjoni taħseb sabiex torganizza attivitajiet u tniedi inizjattivi li jgħinu b’mod psikoloġiku dawk il-gruppi vulnerabbli.

Hu fatt magħruf li anke fis-soċjetà Maltija hemm gruppi li qed ibatu fis-silenzju b’familji li m’għandhomx l-affarijiet bażiċi sabiex jgħixu ħajja diċenti.

Huwa għalhekk li Marie-Louise Coleiro Preca laqqgħet magħha nies tan-negozju, akkademiċi u professjonisti oħra sabiex l-impatt ikun wieħed sinjifikanti. Fuq kollox objettiv ewlieni hu dak li s-settur privat jgħin aktar sabiex tfal u żgħażagħ li jgħixu f’faqar jew f’ambjenti diffiċli jkollhom ukoll iċ-ċans ikunu megħjuna. Fl-istess waqt il-Malta Trust Foundation qed taħdem sabiex tiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali li b’xorti ħażina tinsab preżenti anke f’Malta.

Marie-Louise Coleiro Preca taħdem bla heda biex dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà jkollhom ħajja aħjar, u kompliet issemma leħinha f’dan ir-rigward matul il-Presidenza tagħha u lil hinn minnha. Hija appoġġjat bis-sħiħ u tkellmet b’mod voċiferu fuq numru ta’ kwistjonijiet soċjali li jinkludu l-faqar u l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni u d-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, il-paċi u l-ġustizzja u d-djalogu bejn twemmin differenti.

Inizjattiva li se tkun qed isseħħ fi tmiem il-ġimgħa hi “Għat-tfal… kollha, kollha, kollha”. Din se tkun maratona li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali kollha bl-għan li jinġabru aktar fondi għal din il-fondazzjoni li qed tagħmel ġid kbir fis-soċjetà Maltija. 

L-Orizzont iltaqa’ ma’ Marie-Louise Coleiro Preca fejn spjegatilna aktar fid-dettall dwar din l-attività li se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju 2022 kif ukoll dwar l-apparat speċjalizzat għal tfal li huma nieqsa mid-dawl u tfal li għandhom l-Awtiżmu u ma jitkellmux. 

“Dan hu titlu li għażilna u li juri li bejn it-tfal m’għandux ikun hemm esklużjoni soċjali. Għalhekk kollha, kollha, kollha! Hemm skop partikolari l-aktar għal tfal li ma jarawx jew oħrajn li għandhom l-awtiżmu u ma jitkellmux. Qed naħsbu sabiex dawn it-tfal ikollhom apparat apposta sabiex jgħinhom jesprimu ruħhom. Dan l-istess apparat kapaċi jbiddel ħajjithom bħalma ġara lil bosta tfal oħrajn li bbenefikaw minn din it-teknoloġija eċċellenti.”

Iżda Marie-Louise Coleiro Preca kif tiddeskrivi l-ħidma tal-Malta Trust Foundation?

“Wara li bħala Malta Trust Foundation twelidna fl-2015, nedejna diversi proġetti sabiex nimlew spazji li mhux indirizzati. Hemm diversi tfal u żgħażagħ li waqgħu mis-sistema u li għandhom bżonn għajnuna kbira. Hu għalhekk li qed nikkollaboraw ma’ diversi organizzazzjonijiet oħra sabiex nagħmlu l-ġid mal-persuni vulnerabbli. Din hi ħidma nobbli li hi ferm għal qalbi għax bħala persuna nemmen fl-għajnuna soċjali.”

Il-President Emeritu qalet li bħala fondazzjoni dejjem ifittxu sabiex ma jikkuppjaw lil ħadd u jagħmlu xogħol uniku li dejjem ifittex il-ġid fil-persuna. Fuq kollox, hi temmen fuq is-sostenibbiltà sabiex il-fondazzjoni tibqa’ għaddejja u mhux tieqaf wara ftit. Hu għalhekk li flimkien mal-membri ħolqu pjan strateġiku sabiex din l-istess fondazzjoni jkollha futur għax l-għan ewlieni hu dejjem li jinħoloq xogħol ta’ fejda u ġid komuni għat-tfal u ż-żgħażagħ li jgħixu fil-gżejjer Maltin. Bi pjaċir hi qaltilna li l-fondazzjoni tagħmel użu minn fondi privati u anke dawk Ewropej li applikaw għalihom.

Nitkellmu ma’ Coleiro Preca dwar l-element tal-volontarjat li donnu qed jonqos aktar ma jgħaddi ż-żmien.

“Hi xi ħaġa reali li aktar ma jgħaddi ż-żmien l-element volontarju qed jonqos ħafna. Madankollu rridu ngħidu wkoll li l-ħin naqas għan-nies minħabba li qed ngħixu ħajja mgħaġġla ferm u l-ħin sar ristrett. Hemm id-doveri tax-xogħol, dawk tal-familja u forsi wkoll ħin għalik innifsek.”

“Madankollu mhux qalbi maqtugħa mill-qalb tan-nies għax minkejja dan l-ambjent li qed ngħixu fih, xorta waħda għadek issib persuni li jieħdu mill-ħin tagħhom sabiex jgħinu lil ħaddieħor. Dawn insejħilhom nies ta’ qalb kbira!”

Hi tgħid li minkejja n-numru żgħir ta’ nies li jaħdmu għal Malta Trust Foundation, xorta waħda hemm xogħol li għaddej b’ritmu mgħaġġel u li jinvolvi ħafna impenn u dedikazzjoni min-naħa tan-nies konċernati.

Il-fundatriċi tal-Malta Trust Foundation tgħid li hawn faqar soċjali li xi kultant mhux fid-deher iżda li hu reali. Apparti l-faqar materjali fejn nies ma jkollhomx flus li jixtru affarijiet bażiċi, issib ukoll faqar ieħor li jinkwetaha mhux ftit, dak teknoloġiku.

“It-teknoloġija llum hi ferm importanti għal kulħadd, anke għat-tfal. Hawn uħud minnhom li m’għandhomx aċċess għal laptops jew tablets sabiex isibu l-informazzjoni u jaħdmu x-xogħol mogħti lilhom mill-għalliema. Kif tista’ familja li jkollha tlett itfal tuża’ laptop wieħed? Dawn jaqgħu lura għax ir-riċerka ma tkunx tista’ ssir u b’hekk ma jiżviluppawx il-ħiliet mistennija minnhom. Aħna ngħinu sabiex it-tfal ma jibqgħux lura fl-edukazzjoni tagħhom u jibqgħu għaddejjin b’mod normali.”

Finalment Marie-Louise Coleiro Preca kellha l-aħħar messaġġ x’tgħaddi dwar l-attivita’ “Għat-tfal kollha kollha kollha.”

“Din l-attività se ssir lejliet Jum l-Omm. Il-ġenerożità ta’ kulħadd hi apprezzata speċjalment minn dawk it-tfal li verament għandhom bżonn ta’ apparat sabiex jgħinhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.”

“Nista’ nsemmi eżempji ta’ żewġt itfal li grazzi għall-apparat teknoloġiku tgħallmu jikkomunikaw u saħansitra wieħed minnhom tgħallem jgħid il-kelma MA lil ommu jew inkella ieħor li saħansitra beda jikteb kotba dwar x’inhu awtiżmu.

Meta tara tfal li jagħmlu progress enormi grazzi għall-ħidma fejjieda tal-Malta Trust Foundation, timtela’ b’sodisfazzjon kbir u tkun tixtieq tagħmel iktar sabiex tara dawn l-individwi ċkejknin tagħna jirnexxu dejjem aktar. Dawn kollha huma stejjer reali li jmissulek qalbek iżda li jtuk sens ta’ rieda sabiex tibqa’ għaddej fil-missjoni nobbli tiegħek aktar u aktar meta jirnexxielek tkun ta’ għajnuna għalihom.”

Ekonomija

Sport