Sunday, March 23, 2025

“Qed naqtgħu qalbna mill-awtoritajiet fejn jidħlu sejħiet għas-salvataġġi fil-Mediterran”

“Ibagħtu imejl għax jien biss ‘operator’”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Fuq il-baħar, fejn jirrigwarda s-salvataġġi is-sitwazzjoni qiegħda dejjem issir diffiċli. Assistejt diversi drabi fuq il-bastiment li bih inwettqu s-salvataġġi. Is-sitwazzjoni m’għadhiex dik li kienet fil-passat. Illum inħossuna waħedna. Tagħmel kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti u tibqa’ bla risposta. Spiss ma jitweġibx it-telefon.

Kellna każ proprju fl-aħħar jiem eżattament f’nofs Marzu. 60 persuna bejn sema u ilma u bid-dgħajsa f’diffikulta serja. Kienet fil-lvant tal-Mediterran. Il-Greċja u Malta jirrifjutaw li jwettqu salvataġġ. Meta tara dan tibda qisek taqta’ qalbek. Filfatt hawn organizazzjonijiet li jirċievu telefonati għall-għajnuna bil-mod il-mod qegħdin jaqtgħu barra liċ-ċentri ta’ kordinament għas-salvataġġ. Kemm se ddum tisma’ ibgħat imejl”.

Dan iddikjarah voluntier li minn żmien għal żmien jieħu sehem f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Jitkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità. Jurina s-sejħiet għal għajnuna li ġieli għamlu u r r-rispons kif kien miċ-ċentru ta’ kordinament għas-salvataġġ. Jew it-telefon ma jitweġibx jew inkella risposta biex tibgħat imejl biex tingħadda lil min hu konċernat.

Jgħidilna li “r-restrizzjonijiet fuq il-baħar u d-diffikultajiet żdiedu ferm fejn jirrigwarda salvataġġi ta’ immigranti. Tinħass li donnu mhumiex kuntenti bil-preżenza tagħna fil-Mediterran, fejn kull ma nagħmlu hu li nsalvaw lil dawk li jkunu f’diffikultà. Tħossha u tweġġgħet għax min qiegħed ibati minn dan l-atteġġjament? Huma nies bħalek u bħali. Dawk li jkun hemm fuq dawk id-dgħajjes żgħar jew dinghies. Huma qegħdin ibatu. Dan għax jispiċċaw ikollhom iqattgħu ħin itwal fuq il-baħar. Ġieli l-lejl f’temperaturi baxxi jew maltemp.”

“Qegħdin itunu portijiet li huma ħafna ‘l bogħod miż-żoni ta’ salvataġġ”

L-istess voluntier jgħidilna “issa minn ftit snin ilu ‘lhawn bdejna nesperjenzaw ix-xejra fejn il-port sigur li ningħataw mit-Taljani ma jkunx qrib iż-żona ta’ salvataġġ imma jkun ħafna lbogħod. Ġieli tawna portijiet fl-Italja ta’ Fuq. Kellna każi bħal per eżempju meta tawni l-portijiet ta’ Livorno u Genova biex indaħħlu lil dawk salvati hemm. Dan ifisser jiem żejda ta’ vjaġġar fuq il-baħar. Immaġina mhux lilna lil dawk salvati. Immaġina wara dak li jgħaddu minnu, iżidu jagħmlu jumejn oħra fuq bastiment, li minħabba l-ammont ta’ persuni li jkollu abbord ma jkunx komdu.”

Tistaqsi għaliex issir din il-ħaġa, u li bdiet minn ftit snin ilu ‘lhawn? Jgħidlek ċar li “din issir b’mod deliberat. Biex joħolqu pressjoni fuqna u r-riżorsi. Prattikament li jkunu qegħdin jagħmlu meta jtuna port il-bogħod hu li jkunu qegħdin inaqqsu l-ħin li aħna ikollna biex inwettqu s-salvataġġi. Kien hemm każi fejn lanqas tawna port u domna anki sa ġimagħtejn nistennew port sigur.”

Tfixkil mill-Gwardji tal-Kosta Libjani

L-istess voluntier jgħidilna li “fl-aħħar xhur għal diversi drabi kien hemm okkażjonijiet fejn bastimenti tas-salvataġġ kienu litteralment mhedda mil-Gwardji tal-Kosta Libjani. Dawn huma Gwardji tal-Kosta Libjani li huma mgħejjuni b’fondi tal-Unjoni Ewropea. U minkejja dan kemm-il darba kien hemm okkażjonijiet fein dawn l-istess Gwardji kienu mgħammdin u armati sa snienhom. Kemm il-darba resqu lejna u segwewna minn distanza. Għalina dan mhu xejn għajr theddid. Kien hemm każi fejn anke sparaw lejn bastimenti ta’ salvataġġ. Dawn kienu każi li ġew irrappurtati. Iddokumentati b’ritratti u filmati. U baqgħet ma’ ttieħdet ebda azzjoni. L-Unjoni Ewropea issa ilha snin tappoġġja finanzjarjament lill-Gwardji tal-Kosta Libjani.

‘Is-sitwazzjoni kienet differenti 13-il sena ilu… anke għaxar snin ilu”

“Jien inħoss li għandi ngħin. Għalhekk inmur bħala voluntier. Għandi ix-xogħol tiegħi, imma minn żmien għal żmien nara li nmur nagħti daqqa t’id. Niftakar żmien meta kien hemm operazzjonijiet li fihom pajjiżi kienu jikkoperaw bejniethom biex isalvaw l-immigranti li jkunu qegħdin jaqsmu. Kien hemm il-Mare Nostrum u warajha kien hemm iniżjattiva oħra. Ġew salvati ħafna ħajjiet. Illum is-sitwazzjoni hi differenti.”

“Kemm se ddum iċċempel biex grupp ta’ immigranti jkunu salvati u tibda tisma’ risposta li ma jwasslu imkien. Każ li seħħ fl-aħħar kiem. Issir telefonat fi 20.57 liċ-ċentru ta’ kordinament. Kien hemm dgħajsa li kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Iwieġeb xi ħadd u jgħidilna li ma jaf xejn u jgħidilna li se jgħaddina għand xi ħadd ieħor. Jgħidulna biex nerġgħu nibagħtu l-imejl biex dik “l-informazzjoni tkun evalwata”.

Ikompli jgħidilna li “isir kuntatt f’1.53am lill-istess ċentru ta’ kordinament. Tibda tisma l-mużika u t-telefonata tinqata’ wara qisu ħames minuti. Jerġa’ jsir kuntatt u min iwieġeb jgħid li hu ‘operator’ u jinforma biex tintbagħat imejl. Issir telefonata oħra f’7.44 ta’ filgħodu. Iwieġeb xi ħadd imma ma tinstema’ ebda vuċi. Isir tentattiv ieħor f’7.50 ta’ filgħodu. Din id-darba jgħidulhom biex jibagħtu imejl. Min iwieġeb jgħidulhom li hu ‘operator’ u ma jistax jgħin.”

“It-tama tiegħi hi li din is-sitwazzjoni tispiċċa u nibdew nitrattaw lil dawn l-imsejkna ta’ umani”

Jgħidilna li “qed nitkellem għax irrid inwassal messaġġ. Irrid in-nies tifhem x’qed jiġri. Naf li dak li jiġri f’nofs ta’ baħar jinżamm bogħod minn għajnejn in-nies. Aħna tpinġejna koroħ. Inkunu l-aktar nies kuntenti jekk ma jkollniex bżonn niġu nsalvaw l-immigranti fil-Mediterran. Nixtiequ li dan iseħħ. Ir-realtà hi ferm differenti. Jiġri x’jiġri u jagħmluha kemm jagħmluha diffiċli, nibqgħu nwettqu dmirna”, temm jgħid il-voluntier.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport