Sunday, November 3, 2024

“Qed nerġgħu naraw kemm se ngħinu għaż-żieda fil-prezz tal-fjuwils” 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana

Ir-realtà li qed jiffaċċjaw l-konsumaturi Maltin bħalissa hi dik ta’ żieda kostanti fil-prezzijiet tal-ikel fosthom prodotti tad-dqiq, ħalib, laħam u oħrajn. Ma’ dawn għandek ukoll il-prezz taż-żejt li żdied sew fl-aħħar ġimgħat u li għal dan kienu diġa ġew allokati fondi mill-gvern biex jilqa’ għall-impatt. Minkejja dan imma l-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja u m’hemm l-ebda ħjiel ta’ meta din se tintemm. Dan qed joħloq pressjonijiet ġodda fuq l-industrija tal-ikel u l-prezzijiet tal-ikel u l-fjuwils. L-inflazzjoni mhux biss qed narawha terfa’ rasha f’Malta iżda f’kull rokna tad-dinja. Pajjiżi Ewropej fosthom Spanja u l-Ġermanja qed jirrappurtaw l-ogħla inflazzjoni fl-aħħar 30 sena jew aktar.

Quddiem dan, Talk.mt tkellmet mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, li ddikjara bla tlaqlieq li “kollox qed jogħla. Bħala gvern se nibqgħu ngħinu biex inżommu l-prezzijiet ta’ ċertu ikel essenzjali stabbli. In-nies qed jaraw u jħossu ż-żieda fil-prezzijiet. Il-Gvern l-aktar li jista’ jagħmel hu li jgħin lin-nies. Bħalissa mhux qed nara li din is-sitwazzjoni se tintemm fi żmien qasir. Nista’ ngħid li diġa qed naraw kemm se nerġgħu nallokaw fondi għall-għoli tal-fjuwils minn barra.”

Mistoqsi minn Talk.mt, il-Ministru Clyde Caruana qalilna li “l-mod kif għolew il-fjuwils minn barra, ifisser li kieku għaddejna l-prezzijiet fuq il-konsumatur dawn kienu jiżdiedu b’madwar 18c jew 20 kull litru.”

Il-Ministru Caruana qalilna li “l-gwerra Alla biss jaf meta se tispiċċa. Issa fl-aħħar sigħat sar embargo fuq il-faħam. Is-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar fejn jidħlu ċertu prodotti tal-ikel u kollox qed jogħla.  Bħala gvern qed jagħmel minn kollox u se jibqa’ jagħmel minn kollox biex iżomm l-prezzijiet ta’ ħobż, ħalib u prodotti oħra stabbli imma se jkun hemm prodotti li se jogħlew.  Dawn l-affarijiet n-nies qed jarawhom u se jkomplu jarawhom. Il-gvern l-aktar li jista’ jagħmel hu li jerġa’ jgħin lin-nies. Mhux qed nara li din hi xi ħaġa li se tgħaddi malajr. Konna allokajna €200 miljun għall-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Diġa qed naraw kemm se nallokaw aktar għall-fjuwils”, sostna l-Ministru Caruana. 

Ta’ min jgħid li f’Ġunju tas-sena 2020, pajjiżna kien raħħas sostanzjalment il-prezz tal-fjuwils f’mini budget li kien sar.  Il-petrol u diesel kienu raħsu b’7ċ. Il-prezz tad-diesel se jonqos minn €1.28 għal €1.21 waqt li l-petrol se jorħos minn  €1.41 għal €1.34.

Is-sitwazzjoni f’pajjiżi Ewropej… inflazzjoni li ilhom ma jaraw bħalha għal ħafna snin

Jekk nieħdu l-Irlanda naraw li l-prezz tad-diesel żdied b’46 fil-mija meta mqabbel ma sena ilu, waqt li l-prezz tal-petrol żdied b’35 fil-mija fuq dak ta’ sena ilu. Il-prezzijiet għall-elettriku żdiedu bi 22 fil-mija, waqt li l-prezz tal-gass żdied bi 28 fi-mija. 

Fil-każ tal-Ġermanja naraw li l-għoli tal-ħajja qed jitqies bħala li laħaq livelli allarmanti tant li hu l-ogħla fl-aħħar 30 sena. Fil-Ġermanja statistika qed turi li l-inflazzjoni laħqet is-7.3 fil-mija. 

Fi Spanja, l-inflazzjoni ukoll laħqet livelli għoljin ħafna u ingħad li din hi l-ogħla inflazzjoni f’dan il-pajjiż fl-aħħar 37 sena. L-inflazzjoni fi Spanja laħqet id-9.8 fil-mija. Jekk wieħed jieħu is-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea, isib li ż-żona Ewro għax-xahar ta’ Marzu kellha inflazzjoni ta’ 7.5 fil-mija. 

Se jogħlew ir-rati tal-interessi?

Argument li qed jagħmlu diversi analisti finanzjarji anki f’pajjiżna hu dak ta’ jekk hux se jogħlew ir-rati ta’ interessi. Analista finanzjarju li tkellem ma’ dan is-sit qalilna li “hu fatt li l-interessi mill-banek ilhom għal żmien twil baxxi ħafna u ma ċċaqilqux. Rajna bidla li ġiet mill-Istati Uniti fejn il-Bank Ċentrali fl-Istati Uniti iddeċieda li jgħolli r-rati ta’ interessi b’0.25 fil-mija u hu mistenni li dawn se jkomplu jogħlew. Qed tqum mistoqsija ta’ jekk il-Bank Ċentrali Ewropew għandux jagħmel l-istess. Nirrimarka li fl-aħħar xhur l-inflazzjoni fiż-żona Ewro kienet akbar minn dik stipulata mill-Bank Ċentrali Ewropew li kienet ta’ 2 fil-mija. Hemm min qed jgħid li jara li s-soluzzjoni għall-inflazzjoni hi żieda fir-rata ta’ interessi.  Nemmen li fiċ-ċirkostanzi din mhux għodda effettiva. Qed ngħid dan għax din hi mossa li jekk issir se tkun ta’ ħsara għall-ekonomiji li diġa huma milqutin sew mill-effett tal-gwerra fl-Ukrajna. X’jiġri meta żżid ir-rati ta’ interessi? Is-self isir aktar għali. Il-kumpaniji inaqqsu l-investiment tagħhom. Il-konsumaturi inaqqsu l-konsum. Dan ikollu effett ieħor negattiv għax inaqqas iż-żieda fil-pagi.”

L-istess analista qalilna li “wieħed irid iżomm f’moħħu li l-prezzijiet kienu qed jogħlew qabel il-gwerra fl-Ukrajna. Kien hemm domanda għal ċertu prodotti imma ma kienx hemm provvisti biżżejjed u meta jseħħ dan jogħlew il-prezzijiet ta’ ċertu prodotti. Nemmen li mhux deċiżjoni għaqlija li sitwazzjoni simili jiġu trattati b’żieda fl-interessi.”

Mistoqsi kif is-sitwazzjoni tista’ tiġi trattata, l-analista qalilna li “trid tara x’qed jikkawża dawn iż-żidiet. Prinċipalment għandek tlett kwistjonijiet – il-gwerra fl-Ukrajna, il-pandemija  u problemi f’dawk li nsejħulhom ‘supply chains’. Nemmen li l-gvernijiet għandhom jaraw li jikkontrollaw aktar il-pandemija u li jaraw li tintemm din il-gwerra.  Nemmen li l-gvern għandhom isegwu b’mod kontinwu lis-‘supply chains’. Jaraw li r-regoli tal-kompetizzjoni qed ikunu segwiti. Nemmen li iva l-gvernijiet għandhom jaraw sew x’qed jiġri fis-‘supply chains’, li jinkludu in-netwerks bejn kumpaniji u dawk li jipproduċu u jqassmu l-prodotti tal-ikel flimkien ma’ dawk li jaħżnu l-istess prodotti, jittrasportaw u finalment dawk li jbiegħu fil-ħwienet.”

Sport