Saturday, December 14, 2024

“Qed nieħu klijenti miegħi biex jaraw b’għajnejhom kemm għolew l-affarijiet” 

Kuntrattur

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-materjal li jintuża għall-bini għola kollu. Ibda mill-briks. Il-kantun għola ukoll. Siment għola sostanzjalment waqt li l-ħadid kollu li nużaw kemm tax-xibka u travi għola kollu. Aċċessorji oħra li jintużaw b’rabta ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fosthom żebgħa, materjal għat-tikħil  kisi, aċċessorji marbutin mas-servizzi għall-ilma u dawl. Qegħdin nitkellmu fuq żidiet mhux żgħar. In-nies din qed iħossuha u qed jilmentaw magħna dwarha. Kelli min jilmenta.  Ġieli tistħi tgħidilhom kemm għolew ċerti affarijiet. Kelli klijenti li ħadthom jien stess jixtru affarijiet biex huma stess jaraw kemm għolew l-affarijiet”.

Dan sostnieh ma’ talk.mt kuntrattur li tkellem magħna, waqt li elenka għadd ta’ materjal li jintuża fil-kostruzzjoni u li għola fil-prezz.

Nistaqsuh jekk dan ifissirx li l-prezz tal-bini hux se jogħla minħabba dawn iż-żidiet. Hu jgħidilna li “mhux jekk hux se jogħla imma diġa qed jogħla. Illum biex tibni diġa qiegħda togħla l-ispiża  u din qed tirrifletti fil-prezzijiet li qegħdin jintalbu għal meta tixtri ġebel u saqaf. L-istess għat-tlestija tiegħu biex tidħol fih, l-ispiża se tkun żdiedet sostanzjalment. Illum fejn qabel kienu jitolbuk €28,000 biex ilestulek appartament kemm tidħol fih illum trid tħallas €30,000  għall-istess xogħol u servizz.”

Żdiedet ħafna l-burokrazija … il-periti żiedu l-ħlas ukoll

L-istess kuntrattur qalilna li “nifhem li hemm prezzijiet li għolew minn barra u għal dawn ftit li xejn tista’ tgħmel. Biss waħda mill-problemi kbar li qed taffettwa din l-industrija tagħna hi l-burokrazija kbira li hawn. Nista’ ngħidlek li pereżempju iġġib permess biex tagħmel skip fi triq. Tmur biex tpoġġiha biex tkun tista’ tkompli bix-xogħol u ssib karozza. Iċċempel lil awtoritajiet responsabbli u taf x’jgħidulek li ma jistgħu jagħmlu xejn għax hemm xi każ il-qorti fuq xi ħaġa simili. Jien nistaqsi mela għalfejn il-kunsill ħa l-flus u ħareġ il-permess?. Dan x’taħwid hu?. Taħwid li minnu qegħdin inbatu aħna. Aħna għalina kull siegħa telf ta’ ħin tiswielna ammont ta’ flus għax ix-xogħol ikun qed jaqa’ lura”.

L-istess kuntrattur qalilna li “l-burokrazija li hemm hi xi ħaġa qawwija ħafna. Jekk fuq il-prezzijiet li għolew u qed jogħlew ma jistgħu jagħmlu xejn żgur li fejn tidħol il-burokrazija jistgħu jagħmlu ħafna. Hemm bżonn li l-burokrazija titnaqqas. Nittamaw li ma jippruvawx jieħdu azzjoni meta din l-industrija li ssostni eluf ta’ nies direttament u indirettament, tmur lura għax imbagħad l-effett ta’ dan ibatuh ħafna nies fosthom ħaddiema”.

L-istess kuntrattur qalilna ukoll li “mal-prezzijiet tal-prodotti, esperjenzajna ukoll iż-żidiet fil-ħlas għal periti. F’xi każi qegħdin nisimgħu bi ħlasijiet li mhumiex żgħar.  U waqt li dawn l-ispejjeż qegħdin jogħlew, għandna xogħol li ilu li inxtara fuq il-pjanti u dan hemm ftehim fuq prezzijiet u mhux se tkun faċli biex jirnexxielna nieħdu il-qliegħ tagħna minnu. Dawn iż-żidiet qegħdin inaqqru ħafna mill-profitt tagħna bħala kuntratturi, u jien qed nitkellem l-aktar għal kuntratturi żgħar. Għax lin-nies kemm se taqbad tgħidilhom u tgħolli għax-xogħol? Jgħidulek kemm se żżomm għoli? Jien kelli min ħadtu minn fejn nixtri l-materjal biex jara b’għajnejh kif għolew il-prezzijiet  u semgħa fil-preżenża tiegħi, it-tgergir tal-kuntratturi waqt li jkunu qed jixtru l-materjal”. 

Il-bennejja … ħafna minnhom m’għollewx il-prezz

L-istess kuntrattur qalilna li “f’din l-istorja kollha għandek ħaddiema imma li baqgħu fi ħlas kif kien. Dawn nitħassarhom għax l-aktar li jbatu.  Dawn huma il-bennejja. Ħafna minnhom baqgħu bl-istess prezz tas-servizz tagħhom. Anki ħaddiema li jaħdmu magħhom baqgħu tista’ tgħid bl-istess ħlas.”

Ekonomija

Sport