Monday, June 30, 2025

‘Qed niffoka fuq li nkun l-aqwa verżjoni tiegħi nnifsi … l-esperjenza tiegħi ma’ Naxxar Lions FC s’issa kienet waħda pożittiva ħafna’ – Matthias Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta bdejt nattendi n-nursery ta’ San Ġwann FC. Minn dejjem kont inħobb nilgħab. Sa minn meta kont żgħir kont inqatta’ ħafna ħin nilgħab bil-ballun id-dar, u meta dħalt in-nursery, kont inqatta’ ħafna sigħat fil-grawnd ta’ San Ġwann. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Naxxar Lions FC.

Għamilt id-debutt tiegħi ma’ Naxxar Lions FC fl-ogħla livell tal-futbol Malti, u l-esperjenza s’issa kienet waħda pożittiva ħafna. Esperjenza li għenitni nikber bħala plejer. Kien staġun twil, b’mumenti ta’ sfidi kif ukoll ta’ sodisfazzjon. Waħda mill-aktar esperjenzi memorabbli kienet li rnexxielna nirbħu l-Youth League ta’ Section A, u dan se jibqa’ mument ewlieni u memorabbli fil-karriera tiegħi.

X’tikkkummenta fuq il-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Matul dan l-istaġun, kellna mumenti diffiċli, imma wkoll mumenti sbieħ. Fil bidu tas-sena (Jannar) kellna ħafna bidliet, speċjalment meta bdejna nilagħbu mal-plejers ġodda. Madankollu, malajr drajna lill xulxin u ngħaqadna bħala grupp. U hekk bdejna nżidu l-konsistenza fit-taħriġ. L-ambjent fl-iskwadra huwa tajjeb u ħadem biex nikbsu t-tragward mixtieq. It-tragward tagħna minn dejjem kien li nżommu postna u nibqgħu għal sena oħra fl-ogħla kampjonat ta’ Malta. Ovvjament mhux faċli. Dejjem issib mumenti li jitfgħuk lura, imma dejjem tajna qalbna, u ssilitna sal-aħħar logħba tal-kampjonat, u ħadna dak li kien ħaqqna għall-isforzi tagħna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, George Vella?

Il-kowċ George Vella huwa kowċ b’esperjenza kbira u b’passjoni enormi għal-logħba. Huwa wkoll kowċ dedikat ħafna, li jaf kif iwassal il-messaġġ tiegħu b’mod ċar u pożittiv. jgħinna nikbru mhux biss bħala plejers, iżda wkoll bħala individwi. F’dan l-istaġun taħt it-tmexxija tiegħu, kelli esperjenza  pożittiva, kif ukoll opportunitajiet biex nitgħallem u nikber aktar bħala plejer. Dejjem kien hemm biex jgħinni fejn kelli bżonn.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell dejjem qiegħed jikber. Hemm aktar investiment, aktar professjonalitá. Għad hemm fejn nitjiebu, imma ċert li qegħdin fit-triq it-tajba.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Sar progress fil-faċilitajiet, iżda għad hemm aktar sfidi x’jintrebħu. Xi kultant irridu naqsmu l-grawnds ma’ timijiet oħra, jew niffaċċjaw kundizzjonijiet mhux ideali. Biss bħala klabb, ċert li qiegħed isir sforz ġenwin biex jipprovdi l-aħjar li jista’ għalina. Il-grawnds fejn jintlagħbu l-logħob kompetittiv saru ħafna aħjar, għalkemm, ovvjament, mhux faċli li tkun kapaċi tikkontrolla l-faċilitajiet ta’ kull grawnd bl-istess mod.  Tagħmel differenza kbira meta f’ħafna minnhom ikun sar il-logħob qabel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Qed niffoka fuq li nkun l-aqwa verżjoni tiegħi nnifsi..  Għalkemm huwa impossibbli li tkun taf x se jiġri fil-futur, l-aħjar mod biex titjieb fil-futbol huwa li tkompli taħdem u tissielet kulljum biex dejjem tgholli il-livell.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tasal xi mkien f’din id-dinja, trid taħdem u tagħti kollox. Xejn ma jiġi mix-xejn. Huwa importanti li tittratta kull sessjoni ta’ taħriġ b’serjetà u tagħti il-mija fil-mija tiegħek. Żgur li se jkun hemm jiem fejn tkun għajjien jew ma jkollokx aptit, imma huwa propju f’dawk il-mumenti li trid tibqa sod u tkompli tagħmel il-ħidma tiegħek. Wara kull sessjoni, għandek toħroġ sodisfatt u ċert fik innifsek li tajt kollox. It-triq mhux faċli, imma jekk taħdem bis-serjetá, din il-ħolma tista’ ssir realtà!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport