Wednesday, December 25, 2024

“Qed ninħasad ma’ kull ħoss qawwi li nisma’… ixxukkjati… dak li ħdimna għalih spiċċa kollu”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Familja Ukrena dwar il-ħarba tagħhom minn Kiev 

“Xejn inqas minn 36 siegħa ta’ vjaġġar. Kienu 36 siegħa ta’ tensjoni kbira. Ma kellniex triq oħra għajr dik li naħarbu min Kiev. Id-dinja li konna ngħixu fiha inqisuha bħala li spiċċat. Dak li ħdimna għalih b’ħafna sagrifiċċji qed narawh jisfaxxa quddiem għajnejna. Sagrifiċċji kbar biex bnejna l-għajxien tagħna. Kollox spiċċa f’ħakka t’għajn. Il-ħarba ma kinitx faċli. Magħna kien hemm eluf kbar oħra qed jagħmlu l-istess ħaġa. Issa ninsabu f’post sigur għax dħalna l-Polonja u qegħdin ma’ ħbieb tagħna. Ix-xokk hu kbir. Kerha wisq din li f’mument qed tgħix b’mod normali u f’mument ieħor trid taħrab u tħalli kollox warajh. It-trawma hi kbira. Kif nisma’ ħoss qawwi, qed naħseb li splużjoni”.

Dawn kienu l-kummenti li għaddiet  lil Talk.mt koppja Ukrena li fl-aħħar jiem, ħarbet minn Kiev fi vjaġġ ta’ għadd ta’ sigħat, vjaġġ li fih ma naqsux li jaraw il-kruha tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Fi kliemhom stess, għadd hemm għadd kbir ta’ persuni li qegħdin maqbudin fil-fruntiera jew f’ċentru li twaqqaf eżatt mal-fruntiera. Jgħidulna li hemm ħafna għajnuna anke minn persuni li lesti jilqgħu għandhom koppji jew ċittadini Ukreni. 

Il-koppja li tkellmet magħna tgħidilna li “s-sitwazzjoni fi Kiev fl-aħħar jiem kienet diffiċli ħafna. Sitwazzjoni tal-biża. Kellek curfew. In-nies jgħaddu l-lejl fil-basements. F’ċertu ħinijiet tisma’ splużjonijiet kontinwi. Kienu jiem li fihom rajna l-agħar affarijiet li nistgħu naraw f’ħajjitna. Ara taħseb li kienet faċli. Kellna niffaċċjaw kjuwijiet kbar anke biex ħadna l-fjuwil. Dan ma kienx qed jingħata b’mod awtomatiku. Kull karozza kienet qed tingaħta 40 litru. Prattikament dan ifisser  li tagħmel qisu 350 jew 400 kilometru ta’ sewqan. Bil-lejl imbagħad tidħol biża’ oħra fejn se torqod. Sibna nies li għenuna u daħħluna f’darhom għal lejl.” 

Ekonomija

Sport