Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, waqt li kont nqatta’ ħin twil ma’ missieri u l-familjari tiegħi nilgħab dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birzebbugia SP FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Birzebbugia SP hija waħda pożittiva ferm, hekk kif kemm it-technical staff kif ukoll il-kumitat ħadmu b’dedikazzjoni kbira sabiex kull wieħed minna wera l-potenzjal tiegħu.
X’taħseb li kien is-sigiriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League?
Nemmen li r-raġuni prinċipali wara s-suċċess tal-promozzjoni kienet li bħala plejers ħdimna qatigħ flimkien u konna magħqudin sabiex niksbu din li saret ħolma għalina kollha.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-aħħar staġun kien wieħed meraviljuż għalina, fejn irbaħna kemm in-National Amateur League 1 kif ukoll is-Super Cup, li verament żidulna l-kunfidenza. Issa li qegħdin fiċ-Challenge League, nafu li l-kompetizzjoni hija iktar iebsa, imma qed nidħlu b’mentalità ta’ rebbieħa.
Ksibna diversi akkwisti mill-aqwa fl-iskwadra, li nemmnu li se jħallu impatt reali u jgħinuna ntejbu r-riżultati tagħna. Qed nippreparaw bis-sħiħ, ninsabu ffukati, u lesti li nagħtu kollox dan l-istaġun!
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Kalkara United FC.
L-esperjenza tiegħi mal-Kalkara kienet waħda importanti għalija, peress li kien minħabba fihom li, wara sentejn wieqaf mill-futbol, kelli l-opportunità li nerġa’ nibda nieħu dan l-isport bis-serjetà u fuq kollox nikkompeti.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Għalkemm m’iniex wieħed li nsegwi l-maġġoranza tal-partiti f’Malta, fl-opinjoni tiegħi, il-futbol Malti mexa ’l quddiem, iżda bla dubju fadal ħafna xi jsir sabiex il- league tagħna tiġi kkumparata ma’ kampjonati internazzjonali.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grounds, il-kwalità tat-turf avvanzat ħafna iktar minn qabel, iżda l-grounds li ntużaw għall-logħob tan-National Amateur League 1/2 ivarjaw bejnietom bħala qisien, u dan jaffettwa dejjem l-istil tal-logħob.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Personalment, dejjem imxejt bil-mentalità li għandi nagħmel l-almu tiegħi f’dak kollu li nikkommetti ruħi għalih. Issa li matul l-istaġun li għadda, kelli l-unur li nirbaħ in-National Amateur League 1, nixtieq li nikkompeti f’kampjonati ogħla!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li, bħal kollox, jekk se tikkommetti ruħek għal xi ħaġa, huwa ta’ importanza kbira li dejjem tagħti l-aħjar li tista’!