Monday, February 9, 2026

“Qed nistennew andament li jqarreb lejn is-snin li għaddew”

Iżda hemm diversi fatturi li jistgħu jaffetwaw lin-negozju din is-sena għaż-żmien il-Karnival – Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-GTA

Aqra wkoll

S’issa kollox qiegħed jindika li l-andament ta’ turiżmu f’Għawdex fi żmien il-karnival se jkun fuq l-istess livelli ta’ dak li kellna s-snin li għaddew.” Hekk stqarr magħna Joe Muscat Kap Eżekuttiv tal-Assoċċazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija.

Jistqarr li din is-sena hemm diversi fatturi li jistgħu jiddetreminaw kif se jkun in-negozju fi żmien il-karnival. “Il-fatt din is-sena qiegħed ikollna xitwa qalilha u jista’ jkun li t-temp ikun fattur li jekk fil-ġranet tal-karnival se jerġa’ jkun ir-riħ u maltemp, dan jista jtellef,” jgħidilna Muscat.

Il-Kap Eżekuttiv jgħid b’mod skjett li t-turiżmu f’Għawdex fi żmien bħalma hu l-Karnival se jkun kollu marbut mal-konnettività. “Huwa ovvju li jekk is-servizz tal-fast ferry u tal-Gozo Channel ikun interrot minħabba l-maltemp, allura l-vizitaturi lejn Għawdex se jonqosu.”

“Xi ħaġa li qegħdin naraw fl-aħħar snin, minn meta kien hemm titjib fil-konnettività hija li t-turist fi żmien il-karnival qiegħed jista’ jkun li jiġi ġurnata u jerġa’ jmur lura u allura mhux qiegħed jagħmel tal-inqas lejl f’pajjiżna,” jgħidilna Muscat filwaqt li baqa’ jagħmel enfasi li din is-sena hemm diversi fatturi dwar kif se jkun it-turiżmu fil-karnival”.

Dwar it-titjib fil-konnettività Muscat jgħid li dan il-fattur li l-vapuri qegħdin jaħdmu anke bil-lejl rajna tnaqqis minn snin ilu. “Eżempju l-ewwel indikazzjoni kienet waqt l-opri. Qabel kienu jiġu jaraw l-opra u minħabba li ma kienx hemm vapur bil-lejl kienu jikru lukanda jew appartament… illum wara li tispiċċa l-opra ħafna jerġgħu jinżlu lejn Malta, “din hija sikkina li taqta minn żewġ naħat”, filwaqt li qal li bl-ebda mod ma hu jikkritika l-konnettività, tant li l-GTA ilha snin tisħaq li jkun hemm konnessjoni aħjar bejn Malta u Għawdex.

Ikompli jistqarr li wara l-maltempata Harry u l-biża’ li jerġa’ jkun hawn xi ħaġa simili fil-pajjiż, in-nies bħal donnhom qegħdin jistennew aktar qrib id-data biex jagħmlu l-bookings tagħhom u dan mhux bħal qabel li d-domanda tkun bdiet ferm u ferm qabel.

Il-fattur “Jum San Valentinu” u li            l-Karnival ġie kmieni

“Il-fatt li Jum San Valentinu se jaħbat fis-Sibt tal-Karnival dan se jtellef lir-restoranti. Qegħdin naraw li ħafna restoranti li kienu joffru menu speċjali u anke lukandi li jagħmlu l-offerti għall-koppji għal dan il-jum din is-sena se jaħbat fil-qofol  tal-karnival . 

Fattur ieħor li tkellem magħna Muscat li jista’ jaffettwa l-andament turistiku fil-gżira Għawdex anke wara l-Karnival hu li l-Għid ġej kmieni. “Għandek sitwazzjoni fejn 40 jum wara l-karnival ikun l-Għid u hemm ukoll nistennew andament pożittiv, iżda mill-Għid għas-Sajf imbagħad jibqa’ iktar perjodu twil li wieħed irid jaħdem sew sakemm ikollna n-numri b’saħħithom tas-sajf,” ikompli jgħid Muscat.

Il-parties fil-jiem tal-Karnival

Hawn Muscat jistaqsi dwar jekk minħabba l-parties li qegħdin jiġu organizzati fi żmien il-karnival hux qegħdin nitilfu mill-karattur tal-istess karnival. 

Irrimarka wkoll li t-trend tal-karnival qiegħed jinbidel kull sena. “Xorta l-Karnival għadu jiġbed eluf kbar ta’ persuni, però aħna xorta waħda rridu nkomplu inbiegħu lil Għawdex bil-karatteristici tiegħu ta’ gżira trankwilla. 

Il-Karnival hu ferm aktar minn hekk. Il-Karnival hu tradizzjoni. Mur is-Sibt in-Nadur u tinduna li dan inbidel f’party kbir, filwaqt li hekk titla’ l-Ħadd,  it-Tnejn u t-Tlieta terġa’ tara dak li verament huwa l-Karnival Spontanu tan-Nadur li jżomm tradizzjoni, u li għandu l-potenzjal li jkompli jattira turisti mhux biss Maltin imma anke barranin,” jikkummenta Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport