Thursday, August 14, 2025

“Qed nistennew ġimgħa fejn numru tajjeb ta’ turisti jżuru l-gżira Għawdxija”

– Joe Muscat – Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA)

Aqra wkoll

Il-festa ta’ Santa Marija dejjem kienet meqjusa bħala mument uniku fil-kalendarju Għawdxi. Mhux biss minħabba l-festa titulari ta’ diversi parroċċi fuq il-gżira fosthom naturalment dik fir-Rabat Għawdex, iżda wkoll minħabba r-rabta tagħha mal-vaganzi tas-sajf u l-“shutdown” industrijali f’Malta, meta bosta negozji jagħlqu għal ġimgħa jew aktar. Dan ifisser li għexieren ta’ eluf ta’ Maltin jagħżlu li jqattgħu ftit jiem f’Għawdex, filwaqt li ħafna turisti barranin jgħaqqdu l-vjaġġ tagħhom mal-attrazzjonijiet kulturali u tradizzjonijiet li toffri din il-ġurnata speċjali.

F’intervista li għamilnilu, Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA), jaf sew x’ifisser dan il-perjodu. “Qed nistennew ġimgħa fejn numru tajjeb ta’ turisti jżuru l-gżira Għawdxija. Suppost għandna inkomplu mat-turiżmu tajjeb li kellna tul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju,” qal Muscat, waqt li enfasizza l-valur strateġiku tal-ġimgħa ta’ Santa Marija.

Ftit snin ilu, l-industrija tat-turiżmu kienet f’sitwazzjoni bla preċedent. Il-pandemija tal-COVID-19 kważi għelbet is-settur, u Għawdex ma kienx eċċezzjoni. B’limiti fuq l-ivvjaġġar u t-turiżmu intern, bosta negozji, minn lukandi għal ristoranti, raw tnaqqis drastiku fil-klijenti. Illum, madankollu, is-sitwazzjoni nbidlet b’mod sinifikanti.

Għawdex mhux biss jiddependi fuq turisti barranin. Is-suq domestiku, jiġifieri Maltin li jżuru jew joqogħdu fil-gżira, hu parti fundamentali mill-ekosistema turistika. Dan jidher b’mod partikolari fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, meta familji sħaħ jitilqu b’dgħajjes jew bil-vapur biex iqattgħu ġranet mimlija ħajja fuq il-gżira. Muscat jinnota li ħafna minn dawn il-viżitaturi joqogħdu f’djar tal-familja jew f’appartamenti li huma stess xtraw snin ilu.

Din il-prattika għandha effetti mħallta fuq l-ekonomija tat-turiżmu. Min-naħa, tfisser inqas booking għal farmhouses jew lukandi; min-naħa l-oħra, dawn in-nies xorta waħda jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti lill-ekonomija lokali, billi jmorru ristoranti, jagħmlu xiri jew iżuru attrazzjonijiet turistiċi. “Is-sodisfazzjon hu li naraw lil dawn l-istess Maltin jirrikorru lejn ristoranti u ħwienet, u jagħmlu parti mill-ħajja tal-gżira,” jgħid Muscat.

Skont iċ-ċifri tal-Gozo Tourism Association, bħalissa Għawdex joffri ftit iktar minn 8,000 sodda għall-viżitaturi. Ħafna minnhom jinsabu f’lukandi, filwaqt li l-bqija huma f’akkomodazzjonijiet oħra bħal guesthouses, farmhouses, u appartamenti għall-kiri.

Muscat semma’ wkoll il-ftuħ ta’ boutique hotels fi ħdan il-qalba tal-irħula u l-villaġġi Għawdxin, xi ħaġa li hu ppropona ftit tas-snin ilu u li issa qed jara l-frott tagħhom. “Jekk l-akkomodazzjoni tkun ta’ karattru Għawdxi, din tgħin biex tissaħħaħ l-esperjenza tat-turist,” isostni. Boutique hotels mhux biss iżidu l-kapaċità, iżda jagħtu wkoll valur miżjud lill-prodott turistiku billi joffru esperjenza personali u awtentika.

Il-ħarsa lejn l-istatistiċi turi realtà interessanti: aktar minn miljun turist barrani jżuru Għawdex kull sena, iżda ħafna minnhom jagħmlu dan għal ftit sigħat biss, bħala parti minn jum ta’ eskursjoni minn Malta. Madwar 200,000 persuna biss jorqdu fil-gżira, jiġifieri madwar 8% tat-turisti kollha li jaslu Malta.

It-tul medju ta’ vaganza f’Għawdex hu ta’ sitt sa seba’ iljieli. Fost il-profili komuni hemm koppji żgħażagħ li jfittxu ambjent romantiku u kwiet, familji li jgawdu l-bajjiet u l-attivitajiet fil-beraħ, kif ukoll gruppi ta’ ħbieb li jiġu għal avventuri bħal kayaking, hiking jew diving apparti naturalment li jgawdu l-baħar sabiħ Għawdxi kif ukoll anke l-postijiet ta’ divertiment li tul ix-xhur tas-sajf jiżdiedu drastikament.

“Qed nistennew ġimgħa fejn numru tajjeb ta’ turisti mistennija jżuru l-gżira Għawdxija. Nistqarr miegħek li ninsab fiduċjuż li nistgħu nkomplu ntejbu n-numri sbieħ li kellna f’dawn l-aħħar xhur u għalhekk ninsab pożittiv li se jkollna postijiet fejn wieħed joqgħod kollha mimlijin. Tinsiex li dan hu meqjus bħala perjodu importanti għal-lokalitajiet turistiċi f’Għawdex.”

Minbarra l-aspetti reliġjużi, Santa Marija f’Għawdex toffri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kulturali u soċjali. Fost l-aktar popolari hemm il-wirja agrarja fil-Villa Rundle, li tiġbor prodotti lokali, artiġjanat u wirjiet tal-biedja. Il-viżitaturi jistgħu jduqu prodotti tradizzjonali, jaraw xogħol ta’ artiġjani lokali, u jieħdu sehem f’attivitajiet għall-familja kollha.

Il-festi fil-lokalitajiet tal-gżira, bħal fil-Belt Victoria joffru spettaklu ta’ bandalori, daqq ta’ baned, u logħob tan-nar, kollha f’distanza qasira mill-bajjiet u r-ristoranti. Għal ħafna turisti barranin, dawn huma esperjenzi awtentiċi li diffiċli ssib f’pajjiżi oħra.

Il-ġimgħa ta’ Santa Marija mhux biss tfisser sodod mimlija, iżda wkoll ristoranti, cafés, u bars iffullati. Stabbilimenti tal-catering f’Għawdex jaraw żieda sinjifikanti fil-klijenti, b’ħafna minnhom jaħdmu fuq riservazzjonijiet biex jilqgħu d-domanda. Dan il-perjodu jġib ukoll opportunitajiet għal fornituri lokali tal-ikel u xorb, kif ukoll għall-ħaddiema staġjonali. Dan kollu jkompli jkabbar l-ekonomija li skont Joe Muscat hi waħda tajba.

Minkejja li Awwissu hu l-qofol, il-Gozo Tourism Association taħdem biex testendi l-istaġun lil hinn minn dan ix-xahar. Settembru u Ottubru huma ideali għall-vaganzi għax it-temp jibqa’ sħun iżda mhux eċċessiv, u l-gżira tkun inqas impenjattiva. Muscat jgħid li hemm ukoll potenzjal għal turiżmu f’Novembru, partikolarment għal dawk li jfittxu esperjenza kulturali jew attivitajiet fil-kampanja.

“Il-fatt li nistgħu noffru esperjenza ta’ kwalità għolja f’kull xahar tas-sena jfisser li nistgħu nibqgħu kompetittivi, mhux biss bħala destinazzjoni ta’ staġun wieħed,” jikkonkludi Muscat.

Għawdex illum jinsab f’mument fejn l-opportunitajiet u l-isfidi jimxu id f’id. Il-ġimgħa ta’ Santa Marija tibqa’ l-qofol tal-istaġun turistiku, iżda l-veru test ikun fil-kapaċità tal-gżira li żżomm dan il-progress tul il-bqija tas-sena. Bi ħsieb strateġiku, investiment fil-kapaċità u l-kwalità, u esperjenza awtentika, il-futur jidher pożittiv, kif jemmen Joe Muscat, li b’viżjoni ċara jara l-gżira mhux biss bħala destinazzjoni għal ġimgħa f’Awwissu, iżda bħala esperjenza li tistieden lill-viżitatur jirritorna, darba wara l-oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport