Monday, November 11, 2024

“Qed nittamaw li jiżdiedu t-turisti barranin u li jdumu iżjed”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Huwa fatt magħruf statistikament li iktar turisti barranin iżur lil Għawdex fil-perjodu tax-xhur tas-sajf, filwaqt li l-volum ta’ viżitaturi jonqos fix-xhur tax-xitwa. Għalhekk bħala GTA dejjem nippruvaw insibu modi biex nimitigaw dan l-element ta’ staġjonalità. Kien proprju għalhekk li iktar qabel din is-sena, bi preparazzjoni għall-proposti tagħna għall-Budget 2023, ippreżentajna numru ta’ miżuri fosthom skema biex nilħqu dan il-għan. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li din il-proposta ġiet aċċettata u mdaħħla bħala waħda mill-miżuri għall-Budget 2023,” spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, Joe Muscat ma’ talk.mt.  

Huwa qal li din hija skema li tinċentiva lill-operaturi barranin li jippromovu lil Għawdex biex ikomplu jagħmlu dan b’mod intensiv fil-perjodu bejn Novembru u Marzu ta’ kull sena. Barra minnhekk din l-iskema se jkollha inċentiv ħalli t-turisti li jiġu f’dan il-perjodu, iqattgħu f’Għawdex numru ta’ ljieli sostanzjali. 

Numru ta’ proposti mill-GTA 

Fil-proposti għall-Budget 2023 l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex resqet numru ta’ proposti marbuta mal-konnettività, il-prodott turistiku, ir-riżorsa umana fit-turiżmu u l-promozzjoni u reklamar tad-destinazzjoni. “Barra din il-proposta msemmija iktar ‘il fuq bħala GTA pproponejna wkoll żewġ miżuri oħra li huma mmirati lejn it-turiżmu lejn Għawdex fix-xhur tax-xitwa. Dawn kienu l-introduzzjoni tal-iskema tal-vouchers biex il-Maltin ikunu jistgħu jsarfuhom f’xi stabbilimenti turistiċi Għawdxin, kif ukoll inċentivi biex jiġu mgħejjuna diversi niċeċ turistiċi f’Għawdex bħalma huma digital nomads, turiżmu sportiv u dak avventuruż fost l-oħrajn,” kompla Muscat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA kompla jgħid li dawn iż-żewġ proposti huma wkoll immirati biex itaffu l-problema li għandhom bl-istagjonalità. Speċifika li, “aħna nafu li s-suq domestiku huwa settur importanti ħafna għat-turiżmu f’Għawdex u allura pproponejna l-miżura tal-ri-introduzzjoni tal-iskema tal-vouchers li jistgħu jiġu wżati biss bejn il-perjodu ta’ Novembru u Marzu. B’hekk inkunu qegħdin inħajru u ninċentivaw lit-turist Malti biex iżur lil Għawdex fix-xhur tax-xitwa. 

Hekk ukoll l-inċentivi biex ikomplu isostnu lid-diversi niċeċ turistiċi li dawn kollha jattiraw lejn Għawdex turisti kemm barranini, kif ukoll Maltin biex imorru Għawdex u jipprattikaw diversi passatempi bħal dawk sportivi u ta’ avventura, kif ukoll biex jinċentivaw niċċa ġdida – id-“digital nomands”. B’din l-inizjattiva n-nies jibdew jagħżlu lil Għawdex bħala l-post minn fejn jaħdmu minnu b’mod remot u diġitali.

Sadanittant l-Assoċjazzjoni qiegħda tittama li jkomplu bid-diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati biex jaraw li l-iskema mħabbra fl-aħħar budget li tindirizza l-istaġjonalità turistika f’Għawdex, tkun tista’ tibda titħaddem fil-perjodu ta’ bejn Novembru 2023 u Marzu 2024. B’dan il-mod, ikun hemm iktar żmien biex din l-iskema tiġi promossa.

Sport