L-EKONOMIJA TA’ MALTA B’SAĦĦITHA QUDDIEM PAJJIŻI KBAR EWROPEJ:
“Pajjiżi oħra jinsabu f’diffikultajiet kbar. L-istess diffikultajiet li kellu pajjiżna qabel l-2013. Dan il-Gvern biss huwa l-garanzija għall-familji u n-negozji f’pajjiżna”. Sostna dan il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fejn qabbel is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra Ewropej, pajjiżi kbar u b’saħħithom li minkejja suppost huma f’qagħda finanzjarja aħjar minn tagħna, qegħdin isibu diffikultajiet biex jagħmlu budget. Pajjiżi Ewropej ġirien li mhumiex jagħtu lin-nies dak li l-Gvern Malti, b’responsabbiltà u għaqal, irnexxielu jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru Caruana ġab l-eżempju tal-Ingilterra fejn aċċenna li fi żmien ftit jiem oħra dan il-pajjiż se jkollu l-budget. Fir-rigward qal li, “dawk li jidħlu fuq l-internet u jaraw il-gazzetti bl-Ingliż, jaraw li d-diskussjoni hemmhekk bħalissa hija min l-aktar se jlaqqatha u mhux min se jieħu x’hiex”. It-tieni pajjiż li semma’ hija Franza li fi żmien kważi sena kellhom jibdlu għal diversi drabi l-Prim Ministri.
Pajjiżi oħra jsibu diffikultà kif se jagħmlu budget…
“Ma ngħidilkomx kemm ili nara Ministri tal-Finanzi jinbidlu u d-diffikultà hija kif se jagħmlu budget,” insista l-Ministru Caruana. Huwa ta wkoll informazzjoni dwar pajjiż ieħor kbir u ekonomikament b’saħħtu – il-Ġermanja. Hawn żvela li, “fil-Ġermanja kiem hemm ċertu tħabbir ta’ ċertu kumpaniji kemm qegħdin jonqsulhom il-profitti u kif l-ekonomija hija staġnata. Dawn huma pajjiżi li jekk qegħdin nitkellmu fuq l-Ingilterra, taqbad ajruplan u fi tliet sigħat tasal. Il-Ġermanja, skont fejn trid tmur, għandek sagħtejn, sagħtejn u nofs. M’aħniex qegħdin nitkellmu n-naħa l-oħra tad-dinja. Pajjiżi ġirien tagħna”.
Il-Ministru tal-Finanzi Malti enfasizza kemm dawn huma pajjiżi li aħna lkoll familjari magħhom u li dawn jinsabu f’tali sitwazzjoni ekonomika. Elabora kif “pajjiżna kellu sitwazzjonijiet simili. Jien niftakar 13-il sena ilu, meta kont il-Jobsplus, il-qgħad kien ta’ 8,000 ruħ. Il-pajjiż kien jara minn fejn se jaqta’ l-ispiża tiegħu u jara x’se jieħu lin-nies. Daqstant hija differenti s-sitwazzjoni llum. Jiġifieri, ejja ma nieħdux qisu xejn m’hu xejn dak li għandna għax f’ħakka t’għajn, dan jista’ jinbidel”.
Bl-għaqal igawdu n-nies
Huwa stqarr kif jattribwixxi dan kollu għal kelma waħda li qegħdin fejn qegħdin – “responsabbiltà. Xejn aktar u xejn inqas. Nifhem li kultant forsi ma nidhirx ħelu jew li ħafna drabi nkun serju imma, hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq l-għixien tan-nies. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq ekonomija u qegħdin nitkellmu fuq pajjiż”.
Min-naħa tiegħu fakkar f’dak kollu qegħdin jagħmlu bħala Gvern. “Qegħdin ikunu responsabbli għax fl-aħħar mill-aħħar hemm il-kwistjoni tal-għixien ta’ kulħadd. Nistgħu nibqgħu nagħmlu dan kollu għax aħna responsabbli minn dak kollu li jiġri fil-pajjiż u aħna responsabbli mill-mod kif immexxu l-finanzi tal-pajjiż. Dan għax jekk inkunu bil-għaqal, igawdu n-nies,” temm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

