Sunday, December 22, 2024

“Qegħdin hawn biex nagħtu l-għajnuna neċessarja ħalli n-nies javvanzaw ‘il quddiem fil-ħajja tagħhom”

F'sena madwar 24,000 familja f'Malta tibbenefika minn żewġ skemi tat-tqassim tal-ikel li huma mmirati għall-persuni l-aktar fil-bżonn

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ ​Ħarsien Soċjali (FSWS), permezz ta’ servizzi ta’ għajnuna ta’ kwalità u mogħtijin fil-ħin, twassal biex il-persuni li jfittxu l-għajnuna tagħha jieħdu rajhom f’idejhom biex isiru persuni responsabbli, produttivi u integrati fis-soċjetà u li jagħtu valur lill-ħajja bħala riżorsa li twassalhom biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.​

Dwar dan, Maria Azzopardi tkellmet mad-Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-FSWS Stephen Vella biex jagħtina aktar dettalji dwar l-għajnuna li tingħata permezz ta’ żewġ skemi tal-ikel fejn f’sena madwar 24,000 familja f’Malta tibbenefika minnhom.

Bħala Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan l-FSWS, tista’ tispjega x’tip ta’ proġetti u skemi taħdmu fuqhom matul is-sena?

Bħala Fondazzjoni għandna diversi servizzi li nniedu matul is-sena biex nilħqu persuni vulnerabbli. Hemm ħafna sezzjonijiet fi ħdan il-Fondazzjoni li diġà qed jagħmlu xogħol kontinwu ma’ ċerti nies li jeħtieġu servizz partikolari. Bħala Head Office u uffiċċju tal-EU naħdmu fuq ċerti proġetti anke b’mod innovattiv jew biex nissapportjaw dawn l-inizjattivi jew noħorġu b’ideat ġodda ħalli b’hekk inkunu nistgħu nilħqu aktar nies li jeħtieġu xi servizz partikolari.

Minn naħa tagħna għandna skemi u proġetti fosthom fuq livell nazzjonali, li huma ffinanzjati mill-Gvern bħal dik li hija l-iskema ta’ distribuzzjoni tal-ikel iffinanzjat mill-Istat (SFFD). Permezz ta’ din l-iskema nqassmu darbtejn f’sena ikel lil dawk il-familji li huma kkunsidrati vulnerabbli.

Skema bħal din tagħtina l-opportunità biex bħala professjonisti niġu f’kuntatt ma’ dawn il-familji vulnerabbli u meta naraw li uħud minnhom jeħtieġu aktar għajnuna, aħna ninfurmawhom u nirreferuhom għal xi servizz ieħor tal-Fondazzjoni jew xi entità jew NGO li toffri servizz speċifikament għall-ħtieġa ta’ dawn l-individwi.

Hemm żewġ skemi tat-tqassim tal-ikel. X’inhuma l-kriterji biex wieħed ikun eliġibbli għal dawn l-iskemi? U ladarba persuna tibda tibbenefika, ifisser li se tkompli tibbenefika anke fil-futur?

F’dak li jikkonċerna l-FEAD (Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn), li huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, hemm kriterju partikolari u prinċipali – irid ikun hemm it-tfal involuti fil-familja, eżattament żewġt itfal taħt is-16-il sena. Kriterju ieħor huwa li l-introjtu annwali tal-persuna li taqla’ l-iktar flus fil-familja trid tkun jew fil-paga minima jew inqas.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-SFFD ngħinu wkoll dawk li huma pensjonanti bil-pensjoni non-kontributorja u persuni li għandhom iktar minn 16-il sena u għandhom diżabilità imma ma jaħdmux. Kriterji oħra jinkludu: Persuni li jirċievu benefiċċju ta’ enerġija li jkollhom tifel wieħed biss taħt l-età ta’ 16-il sena; li jkollhom 2+ tfal taħt l-età ta’ 16-il sena; li jkollhom it-tfal kollha b’età ta’ aktar minn 16-il sena; li ma jkollhomx tfal. Kull familja tirċievi ammont ta’ ikel skont kemm hemm nies jgħixu fid-dar.

Rigward iż-żewġ skemi l-FEAD u l-SFFD, il-persuna eliġibbli m’għandhiex għalfejn tissottometti applikazzjoni biex tibbenefika minn din l-iskema. Dawk li jibbenefikaw minn dawn il-programmi jirċievu ittra bil-quddiem li tgħarrafhom li huma eliġibbli kif ukoll li jiġu infurmati minn liema ċentru, id-dati u l-ħin li fihom jistgħu jiġbru l-pakkett tal-ikel u dan jiddependi mid-daqs tal-familja.

Tajjeb li nsemmu l-fatt li nipproteġu b’mod kunfidenzjali lill-persuni u l-familji li jibbenefikaw minn dawn l-iskemi u nagħmlu minn kollox biex noffru l-id ta’ għajnuna għal dawn in-nies għax fl-aħħar mill-aħħar fiċ-ċentru tal-ħidma soċjali tagħna hija li aħna ngħinu lil dawk il-persuni li jfittxu l-għajnuna tagħna biex jieħdu rajhom f’idejhom ħalli jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem u jsiru persuni indipendenti u responsabbli. B’dan il-mod aħna nkunu qed inwassluhom biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, jekk il-persuna ma tibqax fil-kriterju stabbilit minn skema waħda jew oħra ma tibqax tibbenefika. Bħala eżempju: Persuna li għandha żewġt itfal taħt is-16-il sena tibda tibbenefika mill-FEAD iżda ladarba wieħed minn dawn it-tfal jagħlaq 16-il sena l-persuna ma tibqax tibbenefika minn din l-iskema. Jista’ jkun li jekk il-familja tiġi eleġibbli għall-iskema tal-SFFD u b’hekk tiġi msejħa biex tibda tibbenefika minn din l-iskema. Eżempju ieħor: Jekk persuna b’diżabilità li tkun qed tibbenefika mill-iskema tal-ikel tibda taħdem, din il-persuna ma tibqax tibbenefika minn dik l-iskema peress li ma tibqax fil-kriterju stabbilit ta’ persuna b’diżabilità bla xogħol.

F’sena kemm il-familja tibbenefika mill-iskemi tat-tqassim tal-ikel?

Bejn iż-żewġ skemi flimkien nilħqu grupp ta’ madwar 24,000 familja fejn 20,000 minnhom jibbenefikaw mill-SFFD u madwar 4,000 li jibbenefikaw mill-FEAD. Normalment ikollna mat-80% tal-persuni li jaqgħu fil-kriterju taż-żewġ skemi li jiġu u jirrikorru għall-għajnuna offruta.

Jekk taqgħu fil-kriterji ta’ dawn l-iskemi, tiddejqux tfittxu u taċċettaw l-għajnuna. Naċċertaw lin-nies li t-tqassim tal-ikel nagħmluh bl-iktar mod kunfidenzjali fejn la nsejħu lill-midja u nassiguraw li l-postijiet minn fejn jitqassmu l-kaxxi tal-ikel inżommuhom ‘il bogħod mill-massa. Ċertament noqgħodu ħafna attenti biex nipproteġu l-privatezza tal-individwi.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-SFFD, aħna nqassmu l-kaxxi tal-ikel minn 30 post differenti f’Malta u Għawdex. Min-naħa tal-FEAD nqassmuhom minn 19-il post differenti. Jekk ikun hemm xi ħadd li jistħi jiġbor il-kaxxa tal-ikel minn ċertu post, hemm numru apposta biex iċemplilna u nistgħu niffaċilitawlu biex imur jiġborha minn post ieħor.

X’tip ta’ ikel wieħed jista’ jsib fil-kaxxi tal-ikel ipprovduti minn dawn l-iskemi?

Min-naħa tal-ikel li jitqassam permezz tal-SFFD nagħtu ross, spaghetti, polpa u tonn taż-żejt.

F’dak li jikkonċerna l-FEAD nagħtu ħafna iktar fosthom ċereali, te, kafe, ikel fil-landa bħal frott u ikel li jżomm fit-tul.

X’realtajiet tiltaqgħu magħhom u qed tinnutaw xi żieda jew tnaqqis ta’ sfidi f’dan ir-rigward?

Bħala ammont ta’ persuni li ġew imsejħin għal dawn l-iskemi fortunatament bħala pajjiż in-numru qed jonqos. Dak ifisser li n-nies qed javvanzaw ‘il quddiem. Fil-fatt qed ninnutaw li aktar persuni qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u għaldaqstant ikollhom stabbiltà finanzjarja.

Apparti minn hekk, ikun hemm persuni li jirregolarizzaw ruħhom. Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm persuni li ma jiddikjarawx iċ-ċifra totali ta’ kemm jaqilgħu fis-sena u meta jindunaw li qed jiġu msejħin għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna, jirrealizzaw li jkun aħjar kieku jirregolarizzaw ruħhom u jiddikjaraw id-dħul totali tagħhom. Dan jista’ jkun fattur ieħor għalfejn in-numru ta’ persuni li qed jiġu msejħin għal dawn l-iskemi qed jonqos.

Min verament għandu bżonn l-għajnuna, fortunatament bħala pajjiż, għandna ħafna servizzi sew fi ħdan il-Fondazzjoni tagħna kif ukoll entitajiet oħrajn fejn jagħtu l-id u l-ispalla lill-familji fil-bżonn biex kemm jista’ jkun nagħtuhom dik l-imbuttatura neċessarja biex javvanzaw ‘il quddiem fil-ħajja tagħhom. Fil-fatt qed inħossu li kulma jmur aktar familji qed jirnexxielhom jimxu ‘l quddiem u għalina dik fiha nnifisha hija storja ta’ suċċess.

Fost il-ħidma wiesa’ li nagħmlu ma’ dawn in-nies li jiġu għal dawn l-iskemi ninkoraġġuhom biex kemm jista’ jkun javvanzaw ‘il quddiem u nistidnuhom biex jattendu xi korsijiet li nipprovdu aħna stess fi ħdan il-Fondazzjoni, jew korsijiet oħrajn li tipprovdi xi entità nazzjonali oħra, biex kemm jista’ jkun il-familja ma tibqax lura.

Għaliex bħala Fondazzjoni ħassejtu l-ħtieġa li toffru dawn l-iskemi? Temmen li l-iskemi tat-tqassim tal-ikel qed jgħinu biex jitnaqqas il-livell ta’ faqar f’pajjiżna?

Kull min jaħdem fil-kamp soċjali jirrealizza li ma jistax jaħdem għalih innifsu imma jrid ikun hemm katina ta’ servizzi li permezz tagħhom persuna jew familja tiġi mgħejjuna biex tiġi inkluża soċjalment. Għaldaqstant ma nistgħux naħdmu b’mod parallel ma’ xulxin imma rridu nikkollaboraw ma’ xulxin.

Minkejja li din hija skema tas-sigurtà soċjali, bħala Fondazzjoni nagħtu l-għajnuna kollha neċessarja biex inħaddmuha loġistikament u nnieduha għax nifmhu li qed niġu f’kuntatt ma’ familji li jista’ jkun ikollhom bżonn l-aħħar imbuttatura u permezz tal-għajnuna li aħna nagħtu nkunu qed naslu għal dak l-iskop.

Fost l-oħrajn aħna nikkolaboraw ħafna mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fejn ninkoraġġixxu familji biex jipparteċipaw fil-korsijiet li joffru biex fid-dar tagħhom ikollhom librerija u jaqraw mat-tfal għax nemmnu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess.

Tassew nemmen li element li jista’ tassew jgħin biex neradikaw il-faqar f’pajjiżna hija proprju l-edukazzjoni għax meta persuna teduka lilha nnifisha l-possibiltà li tidħol fid-dinja tax-xogħol hija ħafna ikbar.

Ċertament li bħala Dipartiment ma tiltaqgħux biss ma’ sfidi iżda wkoll stejjer ta’ suċċess. Tista’ telabora aktar f’dan ir-rigward?

Meta jkollok ammont ta’ nies li jirrealizzaw li l-għajnuna li tiġi mogħtija lilhom qiegħda hemm temporanjament biex huma javvanzaw ‘il quddiem u jaħdmu fuq dan il-fatt, fejn anke jattendu ċertu taħriġ, u tassew javvanzaw ‘il quddiem u jidħlu fid-dinja tax-xogħol dak għalina huwa suċċess.

Inħobb insemmi każ partikolari – Darba minnhom kien hemm single mother li ġiet u qaltilna biex ma nibqgħux nibgħatulha biex tiġi tiġbor il-kaxxa tal-ikel. Għall-bidu ħsibna li seħħet xi ħaġa ħażina imma b’xorti t-tajba dan ma kienx il-każ hekk kif hija qaltilna li sabet xogħol u b’hekk tista’ tfendi għal rasha. Għalina dik hija l-istorja ta’ suċċess tagħna.

Hemm min beda bl-għajnuna li nagħtu f’din l-iskema u ġie f’kuntatt magħna u aħna rreferejna lil din il-persuna għal skemi oħrajn bħal dawk offruti mill-Malta Enterprise, ingħatat skema ta’ ammont ta’ flus u llum il-ġurnata għandha n-negozju tagħha.

Għandna skema oħra interessanti fejn nikkollaboraw mal-banek lokali, li huma l-APS u l-BOV, liema skema hija mnedija wkoll mill-Awtorità tad-Djar, fejn aħna ngħinu lil dawn il-persuni biex jakkwistaw self (loan) mingħajr ma jħallsu d-depożitu tal-bidu. F’dan ir-rigward aħna nidħlu bħala intermedjarji biex nikkonfermaw mal-banek li dawn huma persuni vulnerabbli u li għandhom il-kapaċità li jżommu l-impenn ta’ dan is-self. Għaldaqstant qed naraw li qabel kien hemm familji li kienu jikru u llum ‘il ġurnata qegħdin jixtru. Bl-istess ammont ta’ flus li kienu jużaw biex jikru qed jużawh għas-self u għalhekk wara ammont ta’ snin, normalment wara 25 sena, il-post isir tagħhom u mill-pensjoni ma jkollhomx għalfejn iħallsu l-kera.

X’inhu l-aħħar messaġġ li tixtieq tgħaddi?

Il-messaġġ tagħna huwa – tibqax lura u jekk għandek bżonn xi tip ta’ għajnuna tiddejjaqx tfittixiha u jekk ma ssibx din l-għajnuna kompli fittex għax żgur se ssib lil xi ħadd li joffrilek għajnuna u jimxi miegħek biex id-diffikultà jew il-problema li għandek issolviha.

Jekk persuni huma parti mill-iskema u jixtiequ jagħmlu kuntatt magħna għandhom iċemplu fuq: 79013090. Ma ninsewx ukoll li bħala Fondazzjoni għandna s-Supportline 179 fejn wieħed jista’ jċempel f’każ li jkollu bżonn kull tip ta’ għajnuna soċjali.

Ekonomija

Sport