Wednesday, July 24, 2024

“Qegħdin hawn u se nibqgħu hawn”

- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

F’diskors li għamel waqt rally għall-anzjani li sar fil-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, bħall-Prim Ministru, għamel referenza għas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili tal-Ħamis u qal li minkejja l-ostakli kollha li sabu, ħallew l-istituzzjonijiet jaħdmu u ngħataw raġun.

Is-Sur Bugeja qal li fl-2017 il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil flimkien mal-grupp parlamentari tiegħu fetħu kawża kontra l-union, u li t-talba tagħhom kienet li l-GWU jiżgumbrawha u jkeċċuha minn din il-binja.

“Għamilna seba’ snin niġġieldu, tilgħin u niżlin il-Qorti biex inżommu d-dritt li l-ħaddiema jkollhom id-dar naturali tagħhom. Kienet faċli? Xejn. L-ostakli ma kienu jieqfu qatt. Wara seba’ snin ta’ qtigħ il-qalb, il-Qorti ddeċidiet li t-talba tal-PN kienet waħda frivola, bla bażi,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU filwaqt li saħaq li “qegħdin hawn u se nibqgħu hawn”.

Huwa tkellem ukoll dwar id-direttivi Ewropej u kif dawn qed iħallu effett fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Semma l-liġi li tikkonċerna l-ħaddiema tal-pjattaforma u anke ż-żieda fil-paga minima nazzjonali. Ma’ dawn semma l-prinċipju tal-ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur u enfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tal-individwu.

Is-Sur Bugeja qal ukoll li dan il-Gvern ħa ħsieb lill-pensjonanti u anke lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Semma ż-żidiet kontinwi fil-pensjonijiet, sena wara l-oħra, u anke li bdiet tiġi indirizzata l-anomalija fil-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li rrid Membri Parlamentari Ewropej li jġibu l-interess ta’ Malta l-ewwel u mhux jagħmlu “gwerra” kif fi kliemu sar biex jipprovaw jieħdu l-bini tal-GWU.
 

Ekonomija

Sport