Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont tifel żgħir meta konna nkunu jien u sħabi nilagħbu l-futbol, kemm fil-MUSEUM kif ukoll fit-triq. Minn hemm dħalt fin-Nursery ta’ Kerċem Ajax fejn kont inqatta’ ħafna ħin u memorji sbieħ. L-imħabba lejn il-futbol kompliet tikber meta kont insegwi lit-tim favorit tiegħi, il-Milan. Fi ħdan it-tim kienu jilagħbu plejers kbar li jiena kont inħares lejhom bħala idoli tiegħi u b’hekk kibret l-imħabba lejn il-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kerċem Ajax FC.
Ilni għal dawn l-aħħar sitt sitt staġuni nilgħab ma’ Kerċem Ajax li fihom nista’ ngħid li għalkemm kien hemm esperjenzi li ma kinux sbieħ bħal meta ġejna relegati imma nista ngħid li kollox ma’ kollox kienu sitt staguni tajbin mimlija l-iktar b mumenti sbieħ milli koroh. Wieħed minn dawn il-mumenti kien l-istaġun li għadda fejn irbaħna l-unuri kollha tal-kategorija tagħna. Ovvjament rajt lill-klabb ta’ Kerċem jinbidel tul iż-żminijiet u llum kburi ngħid li għandna set-up professjonali u li tkun taħdem f’dan l-ambjent bħala plejer hija żgur ħaga pożittiva ħafna.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni f’Għawdex matul l-istaġun li għadda?
Is-sigriet tas-suċċess li ksibna l-istaġun li għadda ma kien xejn ħlief ħafna xogħol u sagrifiċċju. Għamilna sena li fiha konna kapaċi nitrasferixxu dak li konna naħdmu matul il-ġimgħa fit-taħriġ għal waqt il-logħob. Dan juruh ir-riżultati li ksibna matul is-sena fejn irnexxielna nirbħu l-kampjonat bla ma nwaqqgħu l-ebda punt u nirbħu t-Tazzi tal-kategorija tagħna kollha.
Irnexxielna wkoll nitilgħu fil-finali tal-GFA Cup – kompetizzjoni li fiha rnexxielna naqalgħu żewġ timijiet tal-Ewwel Diviżjoni meta huma kienu jilagħbu b’aktar plejers barranin minna. Imma kif diġá għidtlek, dan ksibnieh b’ħafna xogħol u sagrifiċċju għax fil-ħajja ma tikseb l-ebda suċċess mingħajr sagrifiċċju.
Kif qed tħarsu lejn staġun ieħor fejn se tkunu qed tikkompetu fl-Ewwel Diviżjoni?
Qegħdin inħarsu lejn l-istagun li ġej b’ambizzjoni, li naħdmu bl-istess mod bħall-istaġun li għadda u naraw li nirbħu kemm jista’ jkun logħob. Ovvjament il-livell ta’ kompettizjoni ħa jkun iktar diffiċli imma aħna ħa nagħmlu minn kollox biex inkunu ppreparati għall-istaġun li ġej. Jien naħseb li jekk ikollna l-istess attitudni u nagħmlu s-sagrifiċċji li hemm bżonn għandna nilħqu t-tragwardi li għamilna.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Daniel Bogdanovic?
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Bħala livell tal-futbol f’Għawdex kull sena qiegħed jitjieb. Iktar klabbs qegħdin jippruvaw ikunu iktar professjonali u kullħadd jipprova jġib plejers barranin tajbin li ovvjament jgħollu l-livell. Il-klabbs saru kważi kollha jinvestu fit-tfal tagħhom u b’hekk anke l-livell tat-tfal Għawdxin qiegħed jitjieb ukoll.
U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titharrgu u tilaghbu l loghob kompetittiv taghkom?
Aħna bħala Kerċem Ajax FC għandna grawnd b’turf artifiċjali full-size li huwa tagħna u miegħu għandna l-faċilitajiet kollha, fosthom dressing room professjonali, gym, boardroom u clinic għal physio. Din hija riżorsa importanti għall-klabb tagħna kemm bħala tim tal-kbar kif ukoll għan-nursery. Il-logħob tal-Ewwel Diviżjoni jsir fil-Gozo Stadium li għandu l-art bil-ħaxix naturali.
Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil-futbol?
Bħalissa l-uniku ħsieb tiegħi huwa fuq l-istaġun li ġej li nkun ippreparat bl-aqwa mod possibli biex bħala tim niksbu l-aħjar riżultat possibli flimkien. Apparti minn hekk hu li nkompli nilgħab l-logħba li nħobb għall-iktar żmien possibli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Bħala plejer biex ikollok karriera ta’ suċċess fil-futbol ma trid taqta’ qalbek qatt, temmen fik innifsek u tkun lest li taħdem u tagħmel is-sagrifiċċji. Trid tagħraf tagħmel sfidi miegħek innifsek biex dejjem tkun l-aħjar verżjoni tiegħek innifsek!