Sunday, November 10, 2024

“Qegħdin nagħmlu minn kollox biex il-prezzijiet jinżammu stabbli … hawn min jabbuża”

Sid ta’ ħanut tal-ħaxix u l-frott

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hawnhekk nisma’ tgergir ta’ kuljum. In-nies jitkellmu fuq kemm qegħdin jogħlew il-prodotti.  Jaraw il-prezzijiet u jgħidulek kemm għola dan il-prodott, menti ħafna prezzijiet li bihom qed jinbiegħ il-ħaxix u l-frott huma fl-istess livell tas-sena li għaddiet. Fil-fatt jekk tanalizza kemm kien il-prezz ta’ ċertu prodotti tal-ħaxix u frott is-sena li għaddiet u tara kemm qed jinbiegħ illum proprju sena wara issib li huma fl-istess livell. Mhux ngħid li m’hawnx ħwienet li mhux qegħdin jabbużaw. Naf min qed jgħolli l-prezzijiet. In-nies illum jafu jagħżlu u jindunaw. Li qed idejjaqni hu li qisu kulħadd qed jintefa’ fl-istess keffa. Jekk tqabbel kif kienu l-prezzijiet sena ilu ma’ dawk ta’ llum se ssib prodotti li żdiedu bi ftit u dan minħabba fatturi marbutin mal-produzzjoni u se ssib oħrajn ħafna irħas. Per eżempju dulliegħ u bettieħ, din is-sena huma ferm irħas minn l-istess żmien is-sena li għaddiet”.

Dan kien il-kumment li għaddielna sid ta’ ħanut li jbigħ il-ħaxix u l-frott, waqt li għaddielna lista’ ta’ kif kienu l-prezzijiet sena ilu u kif inhuma llum. Fi kliemu stess jekk wieħed janalizza din il-lista’ se jsib għadd ta’ prodotti li baqgħu bl-istess prezz, oħrajn li żdiedu, waqt li kien hemm oħrajn li llum huma fil-fatt orħos. 

Is-sid jgħidilna li “kellek prodotti bħal bajd, mushroom, tamal u affarijiet simili, dawk kollha għolew fil-prezz. M’għolewx minn naħa tagħha imma mingħand min jissupplixxi dak il-prodott. Din li nitfgħu l-kulħadd f’kelma waħda qed iddejjaqna. Bħala ħanut żgħir bi klijentela limitata għal post partikolari, nista’ ngħidlek li qed nagħmlu minn kollox biex il-prezzijiet aħna ma ngħolluhomx. Kif jindikaw il-listi stess, il-prezzijiet baqgħu fl-istess livell. Bħal kull sena jkollok prodotti li jogħlew xi ftit u oħrajn li jonqsu u oħrajn jibqgħu l-istess”.

Jgħidilna li “dak li qed ngħid jien wieħed jista’ jikkonfermah. Issa hu minnu li tmur fi ħwienet oħrajn u li għandhom il-prezzijiet se ssibhom għola minn tagħna. Se ssib per eżempju li mingħand xi wħud il-Banana tinbiegħ €1.75, li tfisser €0.15c aktar minn kemm inbiegħuha aħna.  Il-brokkoli kienu qed tinbiegħ €3.50 minn xi ħwienet jiġifieri €1.50 aktar minn kemm tinbiegħ mingħandna, il-bżar aħdar kien hemm min qed ibiegħu €3.55, li tfisser €1.05 aktar minn kemm nbiegħuh aħna. Jekk tieħdu prodotti bħall-bajd issib li hemm min 6 jbigħhom €1.29, larinġ hemm min qed ibiegħu bil- prezz ta’ €3.20 meta jienb inbiegħu €2. Tadam hemm min ibiegħu bil-prezz ta’ €2.25 u bħalissa mingħandna qed jinbiegħ €1.50.  Issa flok noqogħdu ingergru, li jistgħu jagħmlu l-klijenti hu li jaraw l-prezzijiet, fejn kull ħanut ikollu l-prezzijiet. Imbagħad kulħadd iqabbel kif jaqbillu. Jista’ jkun li tara prodott għandi li forsi d-dehra tiegħu ma togħġbokx, tmur għand ħaddieħor issibu għola imma d-dehra tiegħu tkun isbaħ.”

Jisħaq li “nemmen li l-konsumatur m’għandux jixtri b’għajnejh magħluqin u naħseb li ħafna m’hux jagħmlu hekk. Kapaċi jaraw l-prezzijiet u f’liema livell huma. Li nista’ ngħid hu li fejn jidħlu il-ħaxix u frott, il-prezzijiet huma fl-istess livell u ma kienx hemm iż-żidiet qawwija li qegħdin naraw fi prodotti oħra impurtati u manifatturati.”

L-istess sid qalilna li “naf bi ħwienet li l-prezzijiet tagħhom, minħabba realtajiet differenti kellhom jgħolluhom xi ftit. Dan għax l-ispejjeż lilhom żdidulhom. Ma tagħti tort lil ħadd. Jekk jien inmexxi ħanut u pagi xi nħallas m’għandix, hemm min għandu ċertu spejjeż biex imexxi ħanut u operat. Naħseb li finalment, il-konsumatur għandu għażla u jrid ikun hu li jara kif  u min fejn l-aħjar li jixtri”.

Sport