Sunday, July 20, 2025

“Qegħdin ngħixu ħajja aljenata… nissieħbu mal-ħażen u nsiru draguni aħna ukoll”  – Dun Noel Debono

Aqra wkoll

“Qegħdin ngħixu ħajja aljenata. Imwaħħlin mal-iscreens.  Il-ħażen tant hu qawwi u invinċibbli li nissieħbu miegħu u nsiru draguni aħna ukoll.” Dan iddikjarah Dun Noel Debono, waqt il-priedki li saru fil-festa ta’ San Ġorg f’Għawdex.  

Filfatt hu ddikjara li “qegħdin ngħixu ħajja  aljenata mmens. Għaddejjin minn ħaġa għal oħra. Ġenerazzjonijiet sħaħ miż-żgħar sal-kbar, il-ħin kollu mwaħħlin ma’ screen ta’ mowbajls tablets jew televiżjoni. Għaliex din l-aljenzazzjoni kollha? Aktarx għax aħna imbeżżgħa u ma nafux x’se naqbdu nagħmlu quddiem ċertu inġustizzji u ħażen u tbatija. Naħarbu u naljenaw ruħna jew naraw kif nistgħu noħolqu sistema ta’ protezzjoni madwarna basta l-ħażen ma jmissnix u ma jħallix l-effett tiegħu fuqi. Nippruvaw imma imbagħad billi l-ħażen jidher qawwi u invinċibbli, teżisti risposta oħra, kapaċi nissieħbu miegħu, għax il-poter u l-qawwa tiegħu tiġbidna u nsiru draguni aħna ukoll”. 

Dun Noel, li jiġi t-tifel tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono qal  ukoll li “spiss ħajjitna iddur ma’ allat oħrajn li mingħandhom nistennew il-ħajja, is-sigurtà li nkunu sew. Is-soċjetà li kien jgħix fiha San Gorg kienet mimlija b’allat foloz. Aħna qegħdin ngħixu f’epoka differenti. Spiss niffissaw fuq affarijiet oħra. Nagħżluhom bħala iċ-ċentru ta’ ħajjitna u magħhom tibda ddur il-ħajja tagħna. Isiru ċ-ċentru tal-ħsieb. Iċ-ċentru tal-enerġija u ċ-ċentru tal-ħin tagħna. Dawn huma l-allat foloz.  Tiffissa tfisser tħares fil-fond imma tfisser li f’moħħok qed tiffissa u taħseb il-ħin kollu fuq xi ħaġa, bit-tir li minn din il-fissazzjoni se tiġi l-ħajja, se jiġi l-ferħ, se nkun trankwill,  se jkolli s-suċċess.  Hawn min jiffissa totalment fuq il-ġid, min fuq id-dehra u t-tlellix, min fuq xi proġett, minn fuq xi idea, minn fuq xi persuna, minn fuq xi grupp, xi oġġett jew xi partit. Tiffissa u tadurahom u ara xi ħadd imisshomlok, għax jekk jhedduli l-allat li magħhom iddur ħajti, jien nirrabja u taqbiżli. Għax għalija importanti, għax inħoss li l-ħajja tiddependi fuqhom għax b’xi mod nemmen li jserrħuli moħħi. L-allat jitolbu li jsirulhom is-sagrifiċċji. L-istess fil-ħajja tagħna, l-allat ta’ ħajjitna jitolbu is-sagrifiċċji. Fuq l-altar tas-sagrifiċċju irrid noffri xi ħaġa, ġieli ħin, ġieli relazzjoni,  ġieli persuni, ġieli ħsibijiet, lil moħħi u l-libertà tiegħi. Ara għal alla falz tal-flus, araw x’kapaċi nissagrifikaw. Nissagrifikaw l-onestà, il-lealtà, l-ambjent ta’ madwarna, neqirdu d-dinja biex ikollna aktar. Nissagrifikaw is-saħħa tal-persuni. Araw il-qerda li qed iġġib id-droga minħabba l-flus minħabba l-alla falz tal-flus ta’ kif se nidher u kif se jiġġudikaw. Nissaggrifikaw it-trankwillità, kapaċi nissagrifika l-karattru u ħsibijiet. L-importanza żejda li nagħtu lill-karriera u s-suċċess u nissagrifika il-ħin ma’ uliedi jew saħħti. Minħabba mira li daħħalt f’moħħii, ma nibqa’ nikkalkula u nara l-bżonnijiet ta’ ħadd, basta dak għax ħajti ddur miegħu.  Minħabba dan kapaċi jitkissru l-familji.  L-allat jitolbu s-sagrifiċċji biex ikollna mingħalina il-favur tagħhom.  Il-ħajja sħiħa ma jistgħux ituhielna l-allat foloż. Ma jistgħux jiggarantuhielna min ħajja m’għandux. Imma naħsbu li jekk intuhom aktar enerġija, aktar ħin, imbagħad tasalli l-ħajja, li nkunu protett u nkun f’posti.”

Enfasizza li “l-allat iwegħdu ħafna imma jiddeluduna. Donnu se jagħmluli kollox sew imma nispiċċa b’xiber imnieħer. Hemm qerq fin-nofs u hemm żegħil fieragħ li ġej mill-allat. Iwegħdu ħafna imma jiddeluduna u meta ma jaslux jużaw arma oħra, jirkbu fuq il-biża’. Nigru wara l-allat għax kliemhom sabiħ u ħafif u għax nibżgħu. Naħsbu li jekk ma nimxix wara dak jew l-ieħor, jekk ma nadurahomx, ma jkollix il-favur tagħhom. L-allat foroz jippruvaw jew jattiraw jew jheddu u jbeżżgħu. Jiġifieri jekk ma nagħtihx iċ-ċentru ta’ ħajti u ħsibijieti, se nispiċċa b’xejn, waħdi bla ħajja. Mhux għax l-affarijiet li niffissa fuqhom u nagħmilhom alla falż huma ħżiena. Ħafna drabi huma tajbin  u ġieli bżonnjużi  imma qed nistenna affarijiet li ma jistgħux jagħtuni  u qed nitlob garanzija li ma jistgħux joffruli.  Qed inpoġġuhom fuq pedestall li mhux tagħhom. Qed nistennew li jirbħu l-mewt, xi ħaġa li din ma jisgħux jagħtuini.”

Ikompli jgħid li “l-problema mhux tant l-allat imma x’qed nistenna mingħandhom. Fuq liema pedestall tellajthom.  Ehew ngħaddu mill-allat foloz għal Alla l-ħaj.  Il-ħajja tagħna jaf tkun tentattiv kontinwu biex nibnu isem għalina. Ħajja f’rivalità f’kompetizzjoni u tqabbil kontinwu, f’għira u fi ġlied. Veru nagħmel isem fuq l-art, imma hemm fuq nispiċċa waħdi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport