Thursday, April 18, 2024

“Qegħdin nitilfu 400 post ta’ parkeġġ”… Residenti jitolbu spazju fil-parkeġġ tal-iskola primarja l-ġdida tal-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-diffikultà ta’ spazju għal parkeġġ fil-Qawra u l-madwar, qiegħda dejjem tikber. Ħafna drabi persuna ma ssibx fejn tħalli l-karozza tagħha. Dan b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ filgħaxija u f’żoni fejn huma ffullati bir-residenti. Waħda mill-affarijiet li kienet immirata li ttaffi din il-problema għar-residenti hija l-binja ġdida tal-iskola l-primarja tal-Qawra li hija mgħammra b’parkeġġ li jesa’ 400 karozza. 

Fiż-żmien li kienet qiegħda tinbena din l-iskola, kien hemm pjanijiet li l-parkeġġ tagħha jintuża wkoll mill-pubbliku. Persuni li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalulna li, “qegħdin nitilfu 400 post ta’ parkeġġ. Ilna nitkarrbu biex jinfetaħ għalina wkoll iżda għal xi raġuni, dan għadu ma seħħx. L-iskola ilha li fetħet minn Settembru u l-parkeġġ jesa’ 400 karozza. Kien ingħad li filgħaxija dan jista’ jintuża mill-pubbliku mentri fil-ħinijiet tal-iskola, almenu jintuża sular wieħed mill-persuni ta’ barra”.

Dan is-sit indirizza din id-diffikultà lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, fejn kelliem għall-istess ministeru qalilna li, “qegħdin nesploraw modalitajiet differenti biex nimmassimizzaw l-użu tal-parkeġġ fl-iskejjel imma dan, irid isir wara li jkun żgurat li m’hemmx inkonvenjent [issues] li dan l-użu jista’ joħloq minn terzi”.

Wisq residenti u ftit parkeġġ…

Ir-residenti qalu li fejn l-iskola hemm ħafna blokok kbar ta’ appartamenti mimlija b’residenti li fil-maġġorparti tagħhom jużaw karozza. Jingħad li tant ma jsibux fejn jipparkjaw li hemm drabi fejn jispiċċaw ipoġġu l-karozza tagħhom f’għalqa. 

Sostnew li huma lesti li anke jħallsu xi ħaġa żgħir għall-parkeġġ fl-iskola u dan minħabba li l-multi li jaqilgħu huma ta’ piż ferm akbar minn kontribuzzjoni żgħira għall-parkeġġ “sigur u legali”.

“Jien nippreferi nħallas €1 u naf fejn qiegħed inħalli l-karozza jew milli nkompli naqla’ l-multi. Għal min forsi ma jiflaħx jikri garaxx, l-użu ta’ dan il-parkeġġ huwa ideali. Barra li hemm kwistjoni oħra – jiġifieri dik li f’din iż-żona lanqas kieku trid tikri garaxx ma ssib,” temm dan ir-resident.

“Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qiegħed jesplora modalitajiet differenti biex jimmassimizza l-użu tal-parkeġġ fl-iskejjel… wara li jkun żgurat li m’hemmx issues li dan l-użu jista’ joħloq minn terzi”

Ekonomija

Sport