Thursday, December 26, 2024

“Qegħdin viċin tagħna, jinsabu komdi u qed jieħdu ħsiebhom”

Aqra wkoll

Jitkellmu magħna qraba ta’ anzjani li issa jinsabu rikoverati fil-lukanda Downtown li ġiet mgħammra bħala sptar tal-ġerjatrija

Qraba ta’ anzjani li jinsabu rikoverati fil-lukanda Downtown fir-Rabat Għawdex li ġiet trasformata fi sptar tal-ġerjatrija tkellmu ma’ Inewsmalta u esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li minkejja li kien hemm iċ-ċaqlieqa mill-isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn kienu rikoverati qrabthom qabel, l-anzjani jinsabu kuntenti u l-istaff qed jieħdu ħsiebhom.

L-anzjani li qabel kienu fis-sala Sant’Anna fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew imċaqalqa għal-lukanda Downtown sabiex ikun hemm aktar sodod vojta f’każ ta’ bżonn sabiex tingħata l-kura lil dawk li jkollhom bżonn ikunu rikoverati kawża tal-Covid-19.

Fi kliem dawn il-qraba l-anzjani qegħdin viċin hekk kif il-lukanda tinsab ftit ‘il bogħod mill-isptar u fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex.

Persuna li għandha lil ommha rikoverata hemmhekk qaltilna li l-anzjani jinsabu komdi ħafna u minkejja li kien hemm xi skariġġi waqt li sar it-trasferiment, il-faċilitajiet huma tajbin u l-professjonisti qed jaraw li l-anzjani ma jkun jonqoshom xejn.

L-anzjani li qabel kienu fis-sala Sant’Anna fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew imċaqalqa għal-lukanda Downtown sabiex ikun hemm aktar sodod vojta f’każ ta’ bżonn sabiex tingħata l-kura lil dawk li jkollhom bżonn ikunu rikoverati kawża tal-Covid-19

Fil-lukanda Downtown hemm madwar 80 anzjan u anzjana li qed jinżammu hemm wara li ġiet maħruġa liċenzja mill-Awtoritajiet kompetenti sabiex l-anzjani jkunu jistgħu joqgħodu hemm temporanjament.

Il-lukanda għandha spażju ta’ 2,800 metru kwadru u allura 35 metru kwadru ta’ spażju għal kull anzjan.

Ilbieraħ il-ġurnal Times of Malta rraporta li kien familjari li kienu mdejqin bil-faċilitajiet li hemm.

Qraba tal-anzjani li tkellmu magħna qalulna li huma konvinti moralment li dik l-istorja kienet sensazzjonali. 

Minn stħarriġ li sar minna jirriżulta li l-ewwelnett wieħed irid jieħu l-kuntest ta’ dan it-trasferiment. Sar fi żmien meta d-dinja, inkluża Malta għaddejja mill-ikbar kriżi mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn kawża ta’ Covid-19, dwar dan ma kien hemm l-ebda mod ieħor kif stajna nevitawha bħala pajjiż.

It-tieni, terġa u tgħid qabel kien hemm kritika li t-trasferiment dam biex sar u mhux xi kritika lejn il-post u l-aħħar ħaġa, iż-żewġ anzjani li mietu, mietu għax fi sptar tal-ġerjetrija, fejn ikollok l-anzjani, din hi xi ħaġa ta’ kuljum u ma tagħmilx differenza l-lokazzjoni fejn tkun.

Il-lukanda għandha spażju ta’ 2,800 metru kwadru u allura 35 metru kwadru ta’ spażju għal kull anzjan

L-għażla tal-lukanda Downtown, skont dak li qalulna mill-Ministeru ta’ Għawdex kienet ibbażata fuq numru ta’ fatti. Qabel xejn il-viċinanza mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-fatt li tinsab fil-qalb tal-Belt Victoria. Kien hemm madwar 80 sodda li setgħu jittieħduu mill-ewwel u li dawn kienu kollha taħt saqaf wieħed, apparti minn hekk, faċilment jistgħu jiżdiedu 20 sodda oħra jekk ikun meħtieġ.

M’hemm l-ebda binjiet oħra li jmissu mal-lukanda u allura hemm ċertu iżolazzjoni u l-propjetà hija liċenzjata li toffri akkomodazzjoni, dik ta’ lukandna ta’ 3 stilel li allura toffri ammont ta’ kumdità.

F’din il-lukanda hemm faċlitajiet ta’ ristorant u cafeteria li ġew trasformati fis-swali multi-purpose u canteen għall-istaff u r-residenti. Il-lukanda hija mgħammra kullimkien bil-lifts u hemm kċina kummerċjali. Fil-lukanda hemm ukoll kappella u garage taħt l-art.

Il-proċedura li adatta l-Gvern f’dan il-każ kienet l-istess waħda użata f’Malta u f’każi ta’ emerġenza.

Il-Gvern qed jinvesti mal-€1.6 miljuni fl-anzjani sabiex ikunu qed jirċievu l-aħjar kura possibli fiċ-ċirkustanzi preżenti li ninsabu fihom.

Ekonomija

Sport