Il-goal ta’ Juan Cuadrado fit-83 minuta ġie kanċellat b’penalty ta’ Romelu Lukaku fl-aħħar ħin, iżda s-semi-finali tal-Coppa Italia li ntemm fi draw ta’ 1-1 spiċċa f’kaos b’karti ħomor għal Lukaku, Cuadrado u Samir Handanovic.
It-tieni leg tintlagħab f’San Siro fis-26 ta’ April u r-regola tal-goals away jgħoddu doppju mhux qed tiġi applikata minn dan l-istaġun, iżda hija l-uniku round tal-kompetizzjoni li tintlagħab home u away.
Paul Pogba u Leonardo Bonucci baqgħu barra mill-azzjoni, b’Federico Chiesa tajjeb biss għal fuq il-bank, filwaqt li Hakan Calhanoglu u Milan Skriniar ma għamlux il-vjaġġ lejn Turin.
Din kienet ripetizzjoni tal-finali tal-Coppa Italia u tas-Supercoppa Italiana tal-istaġun li għadda, it-tnejn mirbuħa min-Nerazzurri fil-ħin barrani, iżda kienu tilfu l-logħba tas-Serie A ix-xahar li għadda.
Il-logħba ntlagħbet mingħajr inċidenti sakemm Inter ingħataw penalty għal ‘hands’ ta’ Bremer wara cross ta’ Denzil Dumphries b’Lukaku jitfa’ lill-goalkeeper Mattia Perin in-naħa l-oħra u jgħajjat lejn il-partitarji ta’ Juventus wara l-lasta u deher aġitat immens, tant li r-referee tah it-tieni karta safra, l-ewwel waħda għal foul fuq Federico Gatti.
Il-konfronti komplew wara t-tisfira finali, hekk kif Handanovic kellu jinżamm lura milli jattakka lil Cuadrado wara konverżazzjoni qasira, li wasslet biex it-tnejn li huma ngħataw karti ħomor. Fit- tunnel komplew aktar argumenti, hekk kif għal darb’oħra d-Derby d’Italia spiċċa bl-imrar u l-kaos.