Thursday, October 2, 2025

‘Qiegħed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Sirens ASC b’ħafna enerġija u motivazzjoni’ – Andreas Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet minn età żgħira ħafna. Dejjem kont inħobb l-ilma u l-kompetizzjoni, u mal-ewwel darba li daħalt f’pixxina u bdejt nipprova dan l-isport, ħassejt li hemm posti. Ma domtx biex nintegra ruħi mat-tim u l-ambjent tal-waterpolo sar bħat-tieni dar għalija.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Sirens ASC?
Qiegħed inħares lejn din l-esperjenza ma’ Sirens ASC b’ħafna enerġija u motivazzjoni. Hija opportunità ġdida biex nikber bħala plejer u noffri l-kontribut tiegħi lil tim zghazugh u ambizzjuz. L-ambjent professjonali u l-għaqda bejn it-tim jagħmluha faċli biex toħloq dinamiżmu pożittiv.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Sliema ASC, u kemm tgħallimt minnha?
Sliema ASC kienet parti importanti mill-vjaġġ tiegħi. Hemmhekk tgħallimt ħafna, ksibt is- success kollu li mmirajt għalih u b’hekk tibqa’ parti memorabbli mill-karriera tiegħi.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Il-livell qed jiżdied b’mod kontinwu. Qed naraw aktar plejers żgħażagħ jitilgħu b’talent, u timijiet li qed jersqu b’mod aktar professjonali lejn it-taħriġ u t-tattiċi. Naturalment għad hawn fejn nistgħu ntejbu, speċjalment fuq livell infrastrutturali u ta’ esponiment internazzjonali, iżda l-potenzjal hemm qiegħed.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-kwistjoni tar-riżorsi hija waħda li trid attenzjoni. Għandna limitazzjonijiet fil-faċilitajiet, kemm f’numru ta’ pixxini kif ukoll f’kundizzjonijiet. Meta tqis kemm hawn talent, ikun ħaġa sabiħa li naraw aktar investiment f’dan il-qasam – kemm għal-livell kompetittiv kif ukoll għall-iżvilupp tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Tħoss li hawn biżżejjed kuxjenza rigward il-waterpolo f’Malta u Għawdex?
Mhux biżżejjed. Il-waterpolo huwa sport b’ħafna storja f’pajjiżna, iżda għadu mhux apprezzat daqs kemm jistħoqqlu. Naħseb li hemm bżonn aktar promozzjoni, edukazzjoni u involviment mill-iskejjel u l-media sabiex inġibu aktar żgħażagħ jinteressaw ruħhom u aktar pubbliku jsegwi.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar ‘il bogħod tiegħek fil-waterpolo?
Inħares lejn il-futur b’mod pożittiv u b’ħafna tama. Nixtieq inkomplu nikber bħala plejer. L-għan tiegħi hu li dejjem inkun qed nitjieb u nkompli nagħti dak kollu li nista’ lill-klabb tiegħi u lit-tim nazzjonali jekk tingħatali l-opportunità.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.
Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi: ikunu dixxiplinati, ħadmu ħafna, u qatt ma taqtgħu qalbkom. Il-waterpolo jirrikjedi dedikazzjoni kbira – kemm fiżika kif ukoll mentali – iżda jekk tagħti kollox u tħobb dak li qed tagħmel, ir-riżultati jaslu. Il-vjaġġ hu daqstant importanti daqs il-mira!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport