Sunday, November 24, 2024

Qiegħed jitbassar li t-temperaturi massimi ta’ kuljum ser ikunu bejn 36°C u 37°C.

Aqra wkoll

Issa li t-temperatura qiegħda tkompli tiżdied, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan is-sovritendenza tas-Saħħa Pubblika jixtieq jagħti xi pariri lill-pubbliku dwar l-importanza li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex nibqgħu lkoll f’saħħitna u nevitaw il-konsegwenzi ħżiena tal-effetti tas-sħana. Importanti li tibqgħu idratati tajjeb matul il-ġranet sħan tas-sajf.  

Matul il-jiem li ġejjin mistenni jkollna temperaturi għoljin.


Qiegħed jitbassar li t-temperaturi massimi ta’ kuljum ser ikunu bejn 36°C u 37°C.

Temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla u dan jikkawża deidratazzjoni. Oqogħdu attenti għal sinjali ta’ deidratazzjoni: żieda fil-għatx, ħalq xott, awrina skura u inqas bżonn li tagħmlu l-awrina kif ukoll awrina f’ammonti żgħar.

It-temperaturi għoljin jistgħu jikkawżaw ukoll eżawriment mis-sħana (heat exhaustion) jew kolp tas-sħana (heatstroke). L-eżawriment mis-sħana jiġi kkawżat minn telf ta’ ilma u ta’ melħ permezz tal-għaraq. Sintomi komuni jinkludu dgħufija, ħass ħażin, uġigħ ta’ ras, sturdamenti, dardir u rimettar, bugħawwieġijiet fil-muskoli, għaraq qawwi u għatx kbir. Għal parir mediku ċemplu fuq 21231231.

Il-kolp tas-sħana jiżvolġi meta l-ġisem ma jkunx aktar kapaċi jkessaħ lilu nnifsu u t-temperatura tal-ġisem titla’ b’mod perikoluż. Dan huwa inqas komuni iżda sintomi aktar serji u mhux ittrattati jinkludu temperatura għolja, konfużjoni, sturdamenti, aċċessjonijiet u telf tas-sensi. Il-kolp tas-sħana jista’ jikkawża ħsara serja lill-ġisem u saħansitra jikkaġuna l-mewt. Ċemplu fuq 112 għal kura ta’ emerġenza.

Is-sħana kapaċi taffettwa lil kulħadd. Madankollu, ċerti persuni għandhom riskju akbar ta’ ħsara serja, fosthom l-anzjani speċjalment dawk ta’ aktar minn 75 sena, trabi u tfal żgħar, persuni b’mard kroniku bħal kundizzjonijiet renali, respiratorji jew kardijaċi, nies bi problemi ta’ saħħa mentali u ħaddiema li jaħdmu fuq barra.

Biex tevitaw l-effetti ta t-temperaturi  għoljin importanti li:

• Ma toqogħdux fis-sħana billi tevitaw li toħorġu barra waqt l-eqqel perjodi tas-sħana, normalment bejn il-11.00 u l-16.00.

• Ibqgħu friski billi toqogħdu fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol.

• Agħlqu l-purtieri tal- kmamar illi jaffaċċjaw ix-xemx ħalli żżommu l-ispazji interni iżjed friski.

• Ixorbu ħafna ilma ħalli tissostitwixxu fluwidi mitlufa minħabba l-għaraq u kulu aktar ikel frisk bħal insalati.

• Evitaw likwidi deidratanti. L-alkoħol, il-kafè, it-te u l-luminati bil-kaffeina kapaċi jaggravaw is-sitwazzjoni.

• Ilbsu ħwejjeġ ħfief u maħlula.

• Evitaw l-isforz fiżiku waqt l-iktar partijiet sħan tal-jum jew agħżlu attività fiżika fuq ġewwa jew agħmlu l-attività fiżika tagħkom filgħodu xħin it-temp ikun l-iżjed frisk.

• Jekk ikollkom toħorġu fis-sħana imxu fid-dell, użaw il-protezzjoni mix-xemx u ilbsu kappell.

• Qatt tħallu lil xi ħadd – b’mod partikolari lit-trabi, lit-tfal żgħar jew lill-annimali – ġo vettura magħluqa u pparkjata.

• Oqogħdu f’kamra bl-arja kkundizzjonata.

L-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin javżaw lill-membri tal-pubbliku biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u biex jieħdu parir mediku fuq 21231231 jew iċemplu fuq 112 f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal kolp tas-sħana.

Irrakkomandat ukoll li taraw kif ikunu jinsabu l-qraba, il-ġirien u l-ħbieb anzjani tagħkom, b’mod speċjali jekk jgħixu waħedhom.

Għal aktar informazzjoni żur is-sit beattheheat.gov.mt.

Sport