Wednesday, August 20, 2025

‘Qiegħed nara din l-esperjenza ma’ Ta’ Xbiex SC bħala pass pożittiv ħafna fil-karriera tiegħi’ – Brandon Debono

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kelli madwar sitt snin. Kont immur nara lil ħija l-kbir jilgħab u dejjem kelli x-xewqa nilgħab miegħu u nkun bħalu. Din ir-relazzjoni bejni u bejnu kompliet tissaħħaħ, u minħabba f’hekk spiss lgħabt ma’ plejers akbar minni b’erba’ jew ħames snin. Dan mhux biss sfidani, iżda żamm fija l-passjoni għal dan l-isport.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Meta kont fil-bidu tal-karriera tiegħi mal-Imqabba Under 7s, ġara li konna neqsin goalkeeper għal-logħba waħda. Il-kowċ tani ċ-ċans noqgħod fil-lasta, u wara li rani li laghbt tajjeb, baqa’ jinkoraġġini biex inkompli f’dik il-pożizzjoni. Minn dak inlnahr ’il quddiem, sirt naf li dak kien il-post tiegħi.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Ta’ Xbiex SC?

Qiegħed nara din l-esperjenza bħala pass pożittiv ħafna fil-karriera tiegħi. Mill-ewwel darba li mort nipprova ma’ Ta’ Xbiex, ħassejt li hemm atmosfera tajba u tim tekniku professjonali. Inħossni komdu, milqugħ u parti minn grupp magħqud.

X’inhuma l-miri tagħkom għall-istaġun li ġej?

Bħal kull klabb, l-għan tagħna hu li nagħtu l-aħjar prestazzjoni possibbli u naħdmu biex niksbu l-promozzjoni.

Kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-futsal?

Il-futsal tani esperjenza li ma tinsiex. Irnexxieli nirbaħ il-kampjonat Premier tal-futsal, żewġ Super Cups, tliet kampjonati tal-Ewwel Diviżjoni, u fl-2023 ġejt magħżul bħala l-Aħjar Goalkeeper Malti tal-futsal. Kelli wkoll il-privileġġ nilgħab fiċ-Champions League ma’ Valletta Futsal u nirrappreżenta lil Malta mat-tim nazzjonali Malti. Il-futsal għenni ħafna biex intejjeb il-kontroll tal ballun bis-sqajja u r-riflessi tiegħi. Specjalment ghaliex il lobgha relativiment mghagla – ħiliet li żgur se jgħinuni wkoll f’din l-esperjenza ġdida ma’ Ta’ Xbiex.

Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?

Il-futbol Malti qed jimxi ‘l quddiem b’mod stabbli lejn il-livell modern li naraw fl-kampjonati Ewropej. Madankollu, biex nilħqu dak l-livell, hemm bżonn aktar investiment fit-taħriġ u bidla fil-mentalità, b’viżjoni aktar wiesgħa u dixxiplina kontinwa.

Kif tara s-sitwazzjoni tar-riżorsi għall-futbol f’Malta?

Il-futbol Malti għadu jiffaċċja xi limitazzjonijiet fir-riżorsi. Bhal fatt li mhux kull klabb għandu l-faċilitajiet tiegħu stess, u dan xi drabi jnaqqas il-potenzjal tat-taħriġ.

U l-mentalità tal-isport f’pajjiżna?

Il-mentalità qed tinbidel. Qabel, ħafna kienu jaraw il-futbol bħala passatemp biss. Illum, hemm min mhux biss għamel karriera minnu, iżda anke żgħażagħ li kisbu opportunitajiet biex jilagħbu barra minn Malta. Dan hu pass kbir ’il quddiem meta nħarsu lejn kif kienu l-affarijiet meta kont żgħir jien.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għalkemm għaddejt minn ħafna esperjenzi, għad għandi l-istess determinazzjoni biex inkompli nikber u nitgħallem. Nixtieq nieħu kull opportunità li tiġi biex inżid l-esperjenza tiegħi.

X’messaġġ tagħti lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol?

Il-futbol jeħtieġ dedikazzjoni, dixxiplina u serjetà. Qatt m’għandek taqta’ qalbek, għax b’impenn u passjoni tista’ tasal fejn tixtieq!

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport