Friday, December 27, 2024

QIEGĦED TINNOTA LI KOLLOX QIEGĦED IKOMPLI JOGĦLA? 

Aqra wkoll

Qiegħed tinnota li kull darba li tmur tagħmel xirja, hi x’inhi, tinnota, anke mill-kont, li kollox qiegħed dejjem jiswa aktar, saħansitra minn xirja għal oħra. Minn meta bdiet il-pandemija, il-prezzijiet kollha, ta’ kull ma niġu bżonn żdiedu. Iżda mhux hekk biss, iżda komplew u għadhom jiżdiedu. Għalkemm huwa minnu li d-dinja għaddiet minn pandemija u li warajha eżatt inqalgħat il-gwerra fl-Ukrajna li għadha għaddejja, madankollu jidher li r-regħba mhux ikkontrollata minn ċerti kumpaniji kbar qed taffettwana u xxebbana.

Din ir-regħba qed tiġi msejħa bħala “greedflation”, fejn ħwienet kbar, importaturi, manifatturi tal-ikel u l-kumpaniji tat-tbaħħir huma fost mijiet ta’ ditti globali li tejbu l-profitti tagħhom u pproteġew il-profitti u d-dividendi tal-azzjonisti. Filwaqt li din iż-żieda fil-prezzijiet qed tagħmel pressjoni kbira fuq il-pagi tal-ħaddiema u l-livell tal-għajxien tal-familji tagħhom. 

Filwaqt li l-pandemija qatlet miljuni ta’ nies u kawża tagħha ngħalqu wkoll ħafna kumpaniji u negozji żgħar, il-kumpaniji l-kbar raw iċ-ċans kif japprofittaw ruħhom u jagħmlu profitt. Skont analiżi ta’ mijiet ta’ kontijiet ta’ kumpaniji kbar, dawn żiedu l-prezzijiet tagħhom lil hinn miż-żieda tal-ispejjeż tal-materja prima u l-pagi, u b’hekk imbuttaw il-prezzijiet. 

L-invażjoni tar-Russi fl-Ukrajna wkoll saret pretensjoni konvenjenti oħra għall-profitti. Din id-darba għal żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Sfida li l-Gvern Malti ħa l-passi meħtieġa għaliha biex jipproteġi l-familji u n-negozji.

Issussidja l-petrol u d-dijżil, il-gass u ċ-cereali, kif ukoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Gvern li kien ta’ spalla għan-negozji, il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.

Filwaqt li ċerti kumpaniji qed ikomplu jfornu buthom aħna qed inbatu sforz din ir-regħba li qed tkompli tikber mingħajr kontroll. 

In-nies ma jistħoqqilhomx hekk. Aħna nemmnu li hemm ħtieġa ta’ aktar responsabbiltà. Aħna l-poplu m’aħniex il-piggy bank tal-kumpaniji l-kbar! Għandna bżonn kontrolli limitati tal-prezzijiet u jitwaqqaf dan iċ-ċiklu.

Il-Gvern għandu jieħu l-passi meħtieġa billi jintaxxa lil min qed japprofitta minn prezzijiet esaġerati.

Ekonomija

Sport