Qormi FC ġew inkurunat bħala champions ta’ sezzjoni Ċ tal-BNF Under 15 League hekk kif fil-grawnd ta’ Ħad-Dingli għelbu lil Mellieħa 2-0.
Il-Qriema rnexxielhom jirbħu l-14-il logħba li lagħbu hekk kif iddominaw is-sezzjoni tagħhom fejn skorjaw 53 gowl u qalgħu żewġ gowls biss. L-istess Mellieħa ġew promossi għal sezzjoni B wara li spiċċaw fit-tieni post.
Qormi marru minn fuq fil-45 minuta hekk kif wara azzjoni ta’ corner, kien Matthias Spiteri li bir-ras għeleb lill-goalkeeper avversarju.
Fit-tieni taqsima, Qormi issiġġillaw ir-rebħa fis-77 minuta meta kien is-sostitut Thiago Mallia li kellu l-ewwel xutt milqugħ mill-goalkeeper ta’ Mellieħa sabiex mir-rebound l-istess plejer xeħet ġewwa.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Qormi li laħqu l-qofol tagħhom meta s-segretarju ġenerali tal-MFA Dr Maria Azzopardi ippreżentat it-tazza lill-captain ta’ Qormi Matthias Spiteri.

