Qormi Pinto A rebħu l-finali tal-Premier Knock-Out meta lbieraħ filgħaxija fl-MBF Arena f’Birkirkara, għelbu lil Cospicua Rangers 13-12.
Bħalma ġara fil-finali l-oħra li ntlagħbu din il-ġimgħa, kien hemm bżonn li l-logħba tmur għal decider wara li l-logħba kienet 10-10.
Sa tmiem l-ewwel taqsima, Qormi kienu qed jirbħu 6-4 iżda Cospicua Rangers dejjem żammew mal-avversarji sabiex il-finali kien wieħed ferm drammatiku. Fl-aħħar mill-aħħar kien Lydon Debono li daħħal il-boċċa rebbieħa u eventwalment ta t-tazza lil Qormi Pinto A.
Fi tmiem il-logħba setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tim rebbieħ meta l-president tal-Malta Blackball Federation ippreżenta t-tazza lill-captain Mevrick Zammit.